Internazzjonali

Il-firxa tal-virus tal-monkeypox: Xi gruppi ta’ nies jistgħu jkunu f’aktar periklu minn ħaddieħor

Il-virus tal-monkeypox qed ikompli jinfirex madwar l-Ewropa, bl-uffiċjali tas-saħħa tal-Unjoni Ewropea, issa, qegħdin iwissu li xi gruppi tan-nies jistgħu jkunu f’aktar periklu ta’ infezzjoni minn ħaddieħor.

It-tabiba, Andrea Ammon, tal-European Centre for Disease Prevention and Control, sadanittant, sostniet li l-possibbiltà ta’ ‘firxa mgħaġġla tal-virus fuq livell tal-massa hi baxxa ferm’ għall-popolazzjoni ġenerali.’

Madankollu, Ammon mhix teskludi l-possibbiltà li l-monkeypox għandu jkompli jinfirex permezz tal-kuntatti mill-qrib bejn persuna u oħra.

Din l-esperta dwar il-mard li jittieħed, intant, issuġġeriet biex il-pajjiżi jaċċertaw li għandhom il-ħażniet adekwati tal-mediċini kontra s-smallpox ( li nqerdet mid-dinja) li huma wkoll effettivi għat-trażżin tal-monkeypox.

Sadanittant, il-Belġju sar l-ewwel pajjiż fid-dinja li introduċa perjodu ta’ kwarantina mandatorju ta’ 21 jum għall-pazjenti bil-monkeypox. Il-miżura kienet introdotta wara li l-pajjiż irrapporta t-tielet każ tal-virus u meta, fil-jiem li ġejjin, mistennija dejjem aktar każi fil-Belġju u l-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa.

Il-kwarantina ‘riġida’ fil-Belġju qed tapplika biss lill-pazjenti konfermati bħala morda bil-monkeypox. Il-persuni li jidħlu f’kuntatt mill-qrib mal-infettati ma jridux jgħixu bilfors f’kundizzjonijiet ta’ iżolament iżda, fl-istess ħin, huma mħeġġa biex jibqgħu viġilanti, speċjalment fejn ikollhom il-kuntatti mill-qrib mal-persuni vulnerabbli.

Sintomi li jdumu bejn ġimgħatejn  u xahar

Il-miżuri, iżda, x’aktarx li se jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor, bl-awtoritajiet fir-Renju Unit — li kkonferma ftit aktar minn 60 każ tal-monkeypox — qed javżaw biex kulmin seta’ kellu l-kuntatt mill-qrib ma’ xi persuna infettata b’dan il-virus jidħol għal 21 jum ta’ iżolament.

Is-sintomi tal-monkeypox jinkludu deni, uġigħ u rashes madwar il-ġisem li, maż-żmien, jinbidlu f’infafet kbar. Dawn is-sintomi, is-soltu, jitilqu f’perjodu ta’ bejn ġimgħatejn u xahar.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), sadanittant, hi ottimista li l-monkeypox kapaċi jkun imrażżan fil-pajjiżi ‘il hinn mill-Afrika fejn oriġina dan il-virus.

Filwaqt li nstabu każi tal-virus f’16-il pajjiż barra l-Afrika, l-esperti dwar il-mard li jittieħed qed jgħidu li, bħalissa, għaddejjin l-isforzi biex iwaqqfu jew inaqqsu kemm jistgħu mit-trasmissjoni tal-monkeypox minn bniedem għall-ieħor.

Dan fuq kollox jista’ isir fil-pajjiżi tal-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq fejn għad mhemmx konċentrazzjoni kbira tal-każi ta’ dan il-virus.