Lokali

IL-ĠLIEDA KONTRA L-KORRUZZJONI: Il-Gvern Malti wettaq biss TNEJN mit-23 rakkomandazzjoni tal-GRECO

Nuqqasijiet fejn jidħlu trasparenza, persons of trust, u l-istrateġija kontra l-korruzzjoni

Ir-rapport tal-grupp GRECO illi jiffoka fuq il-ħidma tal-pajjiżi Ewropej kontra l-korruzzjoni, jindika b’mod ċar il-falliment tal-Gvern ta’ Robert Abela f’din il-ħidma li suppost hija projorità għal pajjiżna. Dan hekk kif minn Kastilja, twettqu biss 2 mit-23 rakkomandazzjoni li kien għamel ir-rapport GRECO.

L-aktar fattur inkwetanti li joħroġ mir-rapport ppubblikat illum jispikka fil-fatt li l-Gvern Laburista għadu ma fassal ebda tip ta’ strateġija ċara fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Huwa propju għalhekk li l-GRECO ipoġġi pressjoni kbira fuq Robert Abela biex fi żmien 18-il xahar iwettaq fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet li qed isiru, jekk verament irid jiġġieled b’serjetà l-pjaga tal-korruzzjoni.

Ir-rapport GRECO jitkellem ukoll fuq il-persons of trust, u jgħid li dawn għandhom jinżammu f’numri minimi jekk verament il-Gvern irid inaqqas l-abbuż u l-ħela ta’ flus. Dan qed jaffetwa wkoll il-livell ta’ trasparenza li wieħed jistenna fuq livell ta’ entitajiet governattivi.

L-istess rapport jitkellem anke fuq il-Korp tal-Pulizija, u l-ħtieġa ta’ aktar riżorsi. Filwaqt illi jsemmi l-bżonn li jiġu protetti uffiċjali tal-Pulizija li jkollhom il-kuraġġ jitkellmu u jikxfu każijiet serji ta’ korruzzjoni.

Fil-konklużjonijiet tal-GRECO jissemma’ anke l-Kummissarju tal-Istandards, u l-bżonn li dan l-uffiċċju tant importanti jissaħħaħ tassew. Għaliex bħalissa, għad hemm ċertu limitazzjonijiet sa fejn jista’ jopera.