Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russi qed jippruvaw jiċċirkondaw l-ibliet tad-Donbas

Il-qawwiet tar-Russja qed jippersistu bl-offensiva fuq ir-reġjun tad-Donbas lejn il-lvant tal-Ukrajna. Dan waqt li l-analisti militari qalu li t-truppi tal-Kremlin qegħdin jippruvaw jiċċirkondaw l-ibliet ta’ Severodonetsk, Lysychansk u  Rubizhne fejn hemm l-istakkamenti tas-suldati Ukreni li qed joffru reżistenza qawwija u daqstant ieħor qalbiena.

Ir-Russja, bħalissa, qed tipprova taħtaf ir-reġjun sħiħ tad-Donbas wara li sofriet sensiela ta’ disfatti militari fi bnadi oħra tal-Ukrajna mindu l-qawwiet tal-Kremlin invadew lit-territorji tal-ġar fl-24 ta’ Frar.

Fl-istess ħin, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li –minkejja ċ-ċirkustanzi — il-Gvern tiegħu għadu dispost għal skambju ta’ priġunieri tal-gwerra mar-Russja.