Il-pajjiżi tal-Punent u madwar id-dinja huma dejjem aktar imħassbin dwar l-impatt u l-effetti – fuq livell globali – li l-gwerra tal-Ukrajna qed tħalli għall-provvisti tal-ikel.
Dan meta l-Ukrajna hi fost l-aktar pajjiżi magħrufin għall-esportazzjoni tal-qmuħ, ċireali u ikel ieħor – bir-Renju Unit qed twissi li n-nuqqasijiet tal-ikel fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin kapaċi ‘jikkaġunaw aktar imwiet madwar id-dinja milli qed jikkaġunaw il-bumbardamenti u l-battalji kontinwi fl-artijiet Ukreni’.
Illum, ir-Renju Unit u l-pajjiżi tal-Ewropa qed iwissu wkoll dwar sitwazzjoni tal-ikel imprevedibbli minħabba l-gwerra fl-Ukrajna. Dan meta l-futur tal-ikel jista’ dieħel fi ‘żmien imċajpar ħafna’ minħabba l-limitazzjonijiet għall-esportazzjoni tal-prodotti essenzjali u ‘l-isplużjoni inevitabbli’ fil-prezzijiet tal-ikel madwar id-dinja.
Sadanittant, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, waħħlet ċar u tond fir-Russja għal din il-kriżi. Hi qalet li l-Kremlin ta’ Moska qed juża l-ikel bħala arma f’din il-gwerra u li r-Russi qegħdin jirrikattaw lill-Alleati tal-Ukrajna bl-ikkonfiskar ta’ kunsinni tal-qmuħ flimkien mal-imblokki għall-bastimenti mgħobbijin bil-provvisti tal-ikel fit-territorji li huma qed jikkontrollaw.
//= $special ?>

