Lokali Qorti

Illiberat għax ma kienx assistit meta ta stqarrija lill-Pulizija meta nqabad bl-eroina

Żagħżugħ ta’ 29 sena minn Ħal Tarxien ġie illiberat minn akkużi li kellu fil-pusses tiegħu d-droga eroina f’ċirkostanza li juru li ma kinitx għal użu personali tiegħu. Dan minħabba li l-unika provi li tinkriminah kienet l-istqarrija li huwa għamel lill-Pulizija, li saret meta ma kienx legalment assistit.

Wayne Camilleri lanqas ma nstab ħati mill-Maġistrat Elaine Mercieca li kkommetta reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża, moghtija mill-Qorti tal-Maġistrati fis-17 ta’ Lulju 2013. Huwa lanqas ma nstab ħati li kkommetta reat waqt li kien qiegħed taħt ordni ta’ probation, mogħtija wkoll mill-Qorti tal-Maġistrati fit-28 ta’ Jannar 2015.

Il-fatti tal-kaz imorru lura ghall-15 ta’ Awwissu tas-sena 2015, meta ħu l-imputat, Dylan Camilleri, mar l-għassa tal-pulizija u għamel rapport li fil-flat tagħhom, fejn kien hemm preżenti anke xi tfal kien hemm sustanzi li aktarx kienu drogi.

Żewġ uffiċjali tal-Pulizija kienu marru jagħmlu tfittxija fl-imsemmi appartament fejn sabu numru ta’ membri tal-familja kif ukoll l-imputat li beda jaġixxi b’mod konfuż. Minn tfittxija fil-gwardarobba tal-kamra tiegħu nstabet siringa li dehret użata. Minn tfittxija fil-kamra tal-banju nstab pakkett sigaretti li hekk kif induna li kien se jinġabar l-imputat għaffġu u remieh.

Minn analiżi tal-istess pakkett irriżulta li kien fih pakkett bi trab kannella. Dawn l-oġġetti ġew kollha elevati u mgħoddija lill-Pulizija. Il-Qorti qalet li analiżżat il-valur tal-istqarrija rrillaxxata mill-imputat lill-pulizija u dana anke fid-dawl tat-talba tad-difiża, li talbet li titneħħa mill-provi peress l-imputat ma kienx legalment assistiet waqt it-teħid tal-istess stqarrija.

Din l-istqarrija giet irrillaxxata fl-istess jum li l-Pulizija sabet id-droga mill-Ispetturi Herman Mula u Paula Ciantar. Mill-atti proċesswali jirriżulta li qabel it-teħid tal-imsemmija stqarrija mill-pulizija, l-imputat irrifjuta d-dritt li jkellem u jikkonsulta ma’ avukat jew prokuratur legali tal-għażla tiegħu sa massimu ta’ siegħa qabel l-interrogazzjoni.

In sostenn ta’ dan ġiet ippreżentata dikjarazzjoni ffirmata mill-imputat fil-preżenza ta’ diversi xhieda. L-ispetturi Ciantar u Mula kkonfermaw l-volontarjetà tal-imsemmija dikjarazzjoni. Il-Qorti qalet li din l-istqarrija jidher li ttieħdet skond il-liġi ta’ dak iz-żmien, jiġifieri fis-sena 2015 u b’mod ċar jirriżulta li l-imputat ma ġiex offrut id-dritt li jkun assistit waqt it-teħid tal-istqarrija.

Il-Qorti qalet ukoll li mhijex se tispekula x’kien jagħmel l-imputat kieku ġie offrut dan il-jedd. Hu stat ta’ fatt li ma ġiex offrut dan id-dritt u dana għaliex il-liġi dak iż-żmien ma kinitx tippermetti li l-imputat ikun asistiet minn avukat waqt l-interrogatorju.

Minn qari tal-istqarrija rrillaxxata minn Wayne Camilleri jirriżulta li l-istess imputat inkrimina lilu nnifsu fir-rigward tal-akkużi fil-konfront tiegħu. Mingħajr dubju id-dikjarazzjonijiet li għamel fl-istqarrija tiegħu ippreġudikaw id-difiża tiegħu.

Jirriżulta ukoll li l-istqarrija hija l-unika prova konkretta fil-konfront tiegħu sakemm waqt it-tfittxija kien hemm diversi persuni fil-flat fejn saret it-tfittxija mill-pulizija tfisser li l-unika prova fuq l-oġġetti elevati li torbot l-imputat kienet propju l-istqarrija tiegħu u dana fin-nuqqas ta’ provi oħra mill-prosekuzzjoni.

Il-Qorti, wara li hadet konjizzjoni tal-provi fosthom sabiex isir l-analiżi tal-overall fairness tal-proċeduri, ma hijiex tal-fehma li jkun opportun li tistrieħ fuq l-istqarrija, u għalhekk l-akkużi ma ġewx ipruvati sal-grad rikjest mill-liġi, Ghal dawn il-mottivi l-Qorti sabet lil Wayne Camilleri mhux ħati tal-imputazzjonijiet kollha fil-konfront tiegħu u lliberatu minnhom.

Il-Qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tad-droga u l-affarijiet relatati mal-użu tad-droga esebiti, sa mhux aktar tard minn 15-il jum mis-sentenza. Għal Camilleri deheru l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb.