Lokali Parlament

It-tfal dejjem għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika

Claudette Buttigieg, PN

It-tfal għandhom jibqgħu dejjem fiċ-ċentru tal-politika tagħna fejn tingħatalu l-protezzjoni sħiħa, sostniet id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg meta kienet qed titkellem fil-parlament fl-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar l-immigrazzjoni.

Hi qalet li l-Gvern, li ressaq din l-emenda, tkellem fuq kollox minbarra fuq dak li tgħid jew ma tgħidx din il-liġi. Hawn ħarġet id-differenza bejn iż-żewġ naħat. L-Oppożizzjoni hija pożittiva għax hija propożittiva. Qed inressqu proposti u ideat biex intejbu l-liġi.

Din minn dejjem għamilniha, qed nagħmluha u se nkomplu nagħmlu. Il-verità li aħna nibqgħu determinati li bir-riżorsi limitati tagħna nagħmlu d-differenza vera fil-ħajja tan-nies.

Hemm fattur li jorbot iż-żewġ abbozzi; il-protezzjoni tal-minuri … f’din il-liġi permezz tal-gwardjan legali u fil-liġi l-oħra permezz tad-Direttur tal-Awtorità Ċentrali. Fl-Abbozz 251, il-PN oġġezzjona li din l-Awtorità ċentrali ma’ tistax tkun parti mill-FSWS kif kien qed jipproponi l-Gvern għax l-Awtorità ċentrali hija minna nfisha regolatorja.

Fiż-żewġ abbozzi jqumu ħafna mistoqsijiet: għaliex fl-għanijiet ta’ dawn iż-żewġ liġijiet qed jitħallew barra t-tfal? Kieku l-abbozz 251 sar liġi, x’effett kien ikollu fuq din il-liġi li qed niddiskutu? Nistgħu nkunu nafu x’hini l-vera raġuni għaliex qed issir din l-emenda? Hemm xi rapport li wera li għandna nuqqas? Kien hemm xi inċident jew każ li wassal għal din l-emenda? Għaliex dan l-abbozz qed jiffoka fuq l-immigrazzjoni iktar milli fuq li dawn il-każi huma tfal.

Id-deputat Laburista Carmelo Abela staqsa x’hini l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni fuq l-immigrazzjoni imma hu fl-ebda ħin ma kien ċar fuq il-pożizzjoni tal-Gvern; anzi qal li meta jiġi mistoqsi fuq hekk “ma tistax tgħid hux tajjeb jew ħażin!!”

Il-PN kien u għadu ċar; il-ħniena, l-empatija u l-għajnuna lil min hu vulnerabbli imma iebsin u b’saħħitna ma’ min jabbuża mill-vulnerabbli fosthom it-traffikanti.