Lokali Parlament

Jeħtieġ definizzjoni ta’ gwardjan legali

Darren Carabott, PN

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal fil-parlament li fil-Liġi dwar l-Immigrazzjoni m’hemmx speċifikazjzoni ċara ta’ x’inhu l-gwardjan legali temporanju dwar immigranti minuri li jiġu Malta.

Darren Carabott sostna li l-pajjiż għandu nuqqasijiet kif jinforza l-liġijiet u żied li Malta għandha obbligu li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Hu qal li fl-2021 skont rapporti tal-UN, it-tfal mhux akkumpanjati jew separati ammontaw għal 205; li huma 25% ta’ dawk l-immigranti li ġew bil-baħar. Fl-2020 kien hawn 537 persuna; li huma 24% ta’ dawk li vvjaġġaw bil-baħar.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-introduzzjoni tal-gwardjan legali temporanju għal kull immigrant minuri mhux akkumpanjat u qal li fil-liġi m’hemmx definizzjoni dwar x’inhu l-gwardjan legali temporanju jew x’inhuma s-servizzi li dan jipprovdi.

M’hemmx speċifikat ukoll ir-rekwiżiti ta’ dawk interessati li jkunu gwardjani legali jew jekk dan hux se jkolu l-obbligu li jirrapporta dwar il-każi li jkollu. M’humiex speċifikati wkoll l-obbligi tal-gwardjan legali, sostna Darren Carabott, li tratta l-postijiet ta’ detenzjoni u qal li dawn huma kollha għases tal-pulizija jew postijiet simili.

Il-parlament għandu japprezza kemm id-drititjiet tat-tfal huma ferm importanti. Din il-liġi għandha titranġa, sostna Darren Carabott, li kompla li f’Malta hawn persuni li għandhom nuqqas ta’ għajnuna legali u li hawn persuni li m’għandhomx informazzjoni dwar għalxiex qed jinżammu f’detenzjoni.