Żgur li l-għoli tal-ħajja huwa fuq quddiem nett tal-affarijiet li l-iktar qed jinkwetaw lill-Maltin u l-Għawdxin. Dan mhux b’kumbinazzjoni, għaliex illum, l-Ufficcju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ data fejn jikkonferma kemm verament qed tgħola l-ħajja. Filfatt għal jum ieħor kellna konferma oħra li jekk inti qed tkompli tara l-ħajja tgħola, m’intix waħdek. Dan meta, l-istatistika, turi bl-aktar mod ċar, il-mod li bih, kollox qed jgħola b’rata allarmanti u pjuttost inkwetanti għall-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi.
Iżda meta staqsejna lill-Ministru Owen Bonnici dwar kif qed ikun affetwat hu biż-żieda fil-prezzijiet, qalilna li hu kburi: “Jiena kburi li niffurmaw parti minn Gvern li qed jintervjeni biex jgħin lil diversi setturi u jtaffi l-impatt illi l-għoli tal-ħajja, li ġej minn fatturi esterni ikollu fuq il-ħajja ta’ kuljum.” – Risposta li ħallietna mingħajr tweġiba għal kif qed ikun affetwat mill-għoli tal-ħajja. Risposta oħra minn membru tal-Kabinett li jippreferi jinħeba wara l-fatturi esterni, filwaqt li jsemmi biss is-settur tal-enerġija bħala dak li rnexxielu jikkontrolla l-Gvern. Dan anke jekk nafu li l-għoli tal-ħajja mhux is-settur tal-enerġija biss. Anzi, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-akbar impatt fuq l-għoli tal-ħajja huwa riżultat tal-prezz tal-ikel.
Din ir-risposta tal-Ministru Owen Bonnici tasal fl-istess jum meta l-NSO ppubblika statistika fejn il-grafika turi li għal 15-il xahar konsekuttiv, l-inflazzjoni kompliet tispara ‘l fuq. Filfatt, f’April, ir-rata tal-inflazzjoni kienet fil-livell ta’ 5.67 fil-mija. Il-grafika innifisha ppubblikata mill-NSO turi li din ix-xejra ta’ żieda fil-prezzijiet ilha għaddejja minn ferm qabel ma faqqgħet il-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa. Tant li ż-żidiet kbar fil-prezzijiet ilhom jinħassu minn Frar tas-sena l-oħra. Kien għalhekk li staqsejna dwar l-għajnuna tal-Gvern u hawnhekk, Owen Bonnici qalilna li “in-nies kapaċi jarblu u jaraw id-differenza.”
Mistoqsi jekk nistennewx għajnuna diretta fid-dawl tal-fatt li l-istatistika qed turi bl-akar mod ċar li l-prezzijiet qed jisplodu ‘l fuq, Owen Bonnici qal li jinsab kuntent ħafna bir-ritmu ekonomiku u saħaq li dan “itina sosten kbir biex inkomplu bil-politika tagħna li ngħinu lill-familji u lin-negozji Maltin u Għawdxin.” Kummenti sbieħ, li iżda ma joffru ebda soluzzjoni quddiem statistika wara oħra li juru u jikkonfermaw kif il-ħajja qed tgħola. Dan filwaqt li l-pagi żgur li mhux jgħolew bl-istess rata.
//= $special ?>