Lokali Parlament

L-Electrogas se jkompli jkun diskuss fil-PAC; il-Gvern irid żmien definit għad-diskussjoni

Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) qabel li jkompli jiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-power station tal-Electrogas iżda l-Gvern qed jinsisti li jkun hemm żmien definit li fih trid tintemm din id-diskussjoni.

Dan kien deċiż fl-ewwel laqgħa tal-PAC f’din il-leġislatura li saret fil-parlament.

Il-Kumitat kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott waqt li l-Viċi-Kap tal-PN David Agius u d-deputat Nazzjonalista Graham Bencini rrappreżentaw lill-Oppożizzjoni.

Għall-Gvern ipparteċipaw il-Whip Laburista Andy Ellul, id-deputati Glenn Bedingfield u Alex Muscat u l-Ministru Clayton Bartolo.

Il-kumitat iddiskuta l-mod kif se jaħdem dan il-kumitat f’din il-leġislatura u qabel li l-kumitat jiltaqa’ darba fil-ġimgħa kull nhar ta’ Tlieta fis-2 pm. Dwar is-suġġetti diskussi fil-PAC, Darren Carabott qal li r-rapport dwar l-Electrogas se jkun l-ewwel suġġett imressaq mill-Oppożizzjoni.

Ix-xhieda li diġà ngħatat u d-dokumentazzjoni ppreżentata għandha tkun inkluża f’dawn il-proċedura, sostnew id-deputati tal-Oppożizzjoni, bid-deputat Laburista Alex Muscat qal li hu ma jaf bl-ebda każ li jkun imressaq mill-ġdid wara li tintemm leġislatura għalkemm m’hemmx diffikultà dwar dan.

Andy Ellul qal li l-Gvern m’għandux oġġezzjoni li l-PAC jkompli jiddiskuti l-każ tal-Eectrogas iżda jrid ikun hemm qafas ta’ struttura kif isiru s-seduti. Il-Gvern jixtieq li jiddiskuti wkoll il-faqar fil-pajjiż, sostna Andy Ellul.

Il-kumitat qabel li l-ewwel rapport ikun it-tkomplija tal-iskrutinju dwar l-Ekectrogas u li x-xhieda li diġà ngħatat tkun tifforma parti mid-diskussjoni.

Quddiem il-Kumitat deher l-Awditur Ġenerali Charles Deguara, li qal li ma kellux x’iżid max-xhieda li diġà ta għalkemm ikun dispost li r-rapport jerġa’ jinfetaħ f’każ li jkun hemm żviluppi ġodda.

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-kumitat għandu jkollu d-dritt li jressaq xhieda oħra li ma jkunux indikati fil-lista oriġinali.

F’dan il-mument d-deputat Laburista Glenn Bedingfield oġġezzjoni għall-pożizzjoni li kien qed jesprimi ċ-Chairman Darren Carabott. Glenn Bendingfield insista li jrid ikun il-PAC li jaqbel dwar min huma x-xhieda. Il-membri tal-Gvern insistew li jkun speċifikat it-terminu ta’ żmien li fih itemm l-investigazzjoni dwar l-Electrogas.

L-Awditur Ġenerali ppropona biex membri tal-PAC jmorru l-Ingilterra jsegwu s-seduti tal-PAC tal-parlament Ingliż.

Iċ-Chairman tal-PAC Darren Carabott qal li l-Oppożizzjoni m’għandhiex problema li l-PAC jiddiskuti wkoll, fl-istess waqt, ir-rapport dwar il-faqar kif qed jipproponi l-Gvern. Hu qal li m’għandux ikun hemm terminu ta’ kemm idum jixhed xhud.

Il-Whip Laburista Andy Ellul qal li l-gvern jinsisti li l-investigazzjoni dwar l-Electrogas tingħalaq

Il-Viċi-Kap tal-PN qal li jidher li l-intenzjoni tal-membri hi li l-Kumitat jaħdem b’effiċjenza u għalhekk ħadd m’għandu jorbot idejn xulxin dwar kif il-partijiet jaħdmu. Hu ppropona li l-Oppożizzjoni tippreżenta l-lista tax-xhieda, jibdew jinstemgħu x-xhieda u jerġa’ jiltaqa’ l-kumitat dwar dan.

Glenn Bedingfield qal li għandu jkun il-kumitat li jagħmel terminu ta’ żmien meta jinstemgħu x-xhieda.

Il-membri tal-Gvern ma qabilx li l-PAC jiddiskuti żewġ rapporti fl-istess waqt u għalhekk il-kumitat għandu jiddiskuti u jtemm l-investigazzjoni dwar l-Electrogas. Id-deputati Laburisti nsista li jkun hemm definizzjoni tat-terminu ta’ żmien dwar l-Electrogas; bil-Viċi-Kap Nazzjonalista David Agius jsostni li din hi forma ta’ mozzjoni ta’ giljottina li jrid jimponi l-Gvern.

Il-Whip Laburista Andy Ellul insista li l-gvern jaċċetta biss li jiddiskuti l-Electrogas jemm ikun hemm terminu ta’ żmien. Il-Ministru Bartolo ppropona li l-PAC jiltaqa’ sa tliet darbiet fil-ġimgħa.

Il-kumitat aġġorna għal nhar it-Tlieta fis-2 pm.