Lokali Parlament

Malta għandha dejjem tiggarantixxi d-drittijiet tat-tfal immigranti

Graziella Attard Previ, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ sostniet li Malta għandha dejjem tiggarantixxi d-drittijiet tat-tfal immigranti.

Fil-parlament Graziella Attard Previ tkellmet dwar l-emendi għall-Liġi dwar l-Immigrazzjoni u qalet li jrid ikun assigurat li l-ispirtu tal-emendi jkun fuq it-tfal u mhux fuq l-istatus tagħhom ta’ immigranti.

Hi kompliet li dawn it-tfal jridu jkunu protetti daqs it-tfal tagħna u sostniet li t-tfal mhux akkumpanjati jkunu detemnuti mill-ewwel kif jaslu Malta.

Diffiċli tkun determinata l-età ta’ dawn it-tfal anki fil-kuntest tal-proċeduri legali u d-detenzjoni. Dan qed jieħu ħafna xhur bil-konsegwenzi negattivi fuq it-tfal li jkollhom jibqgħu f’detenzjoni.

Dawn it-tfal għadhom ikunu integrati fis-soċjetà b’mod immedjat għaliex dawn qed jaħarbu l-gwerra il-persekuzzjoni u l-ġuħ. Fl-2018 ġew iktar minn 100 tifel u tifla, l-iżgħar wieħed kien ta’ 11-il sena u kien ġej mill-Afrika.

Graziella Attard Previ sostniet li dawn it-tfal jkollhom numru ikbar ta’ diffikultajiet u appellat biex dawn it-tfal jingħatw id-drittijiet tagħhom. Malta ma tistax ma tagħtix kas il-bżonnijiet ta’ dawn it-tfal; din mhix kwistjoni ta’ numri.

Dawn huma tfal vulenrabbli sostniet Attard Previ, li kompliet li l-UNHCR ħarġet linji gwidi ċari kif ikunu salvagwardjati d-drittijiet tat-tfal. Malta għandha tieħu l-passi neċessarji biex it-tfal qatt ma jinżammu f’detenzjoni; la meta jkunu weħidhom u lanqas meta jkunu akkumpanjati.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li f’Malta ġieli kien hawn tfal ta’ 12-il sena jinżammu f’detenzjoni sakemm ikun assigurat li m’humiex adulti. Irid ikun assigurat li t-tfal jingħataw drittijiet mediċi u ta’ rikreazzjoni flimkien ma’ akkomodazzjoni u għajnunijiet oħra.

Hi kompliet li dawn it-tfal għandhom ikunu assistiti u rappreżentati minn assoċjazzjoni fit-talba tagħhom għal refuġju. Dawn is-servizzi għandhom ikunu b’xejn waqt li jkun assigurat li jkun prefossjonali.

Graziella Attard Previ kompliet li riċentament inħelsu ħamest itfal li kienu ilhom miżmuma xahrejn bla bażi raġonevoli f’detenzjoni; hemm numru ta’ każi li ilhom iktar minn sitt xhur.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li Malta m’għandhiex twarrab l-obligi internazzjonali tagħhom u appellat biex l-emendi jassiguraw li t-tfal ikunu kkunsidrati bħala tfal u mhux lejn l-istatus tagħhom ta’ immigranti waqt li jissaħħu l-proċeduri li hemm, jissaħħu l-istrutturi li hemm u li Malta tkun konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali.