Lokali Qorti

Mhux ħati li ħaqar żewġt iklieb

Raġel residenti Raħal Ġdid u li perjodikament jirresedji wkoll Buġibba ma nstabx ħati mill-Maġistrat Nadine Lia li ġiegħel żewġt iklieb jgħaddu minn tnatija. Andre Galea ta’ 36 sena ma nstabx ħati li ma ttrattax lil dawn l-annimali b’mod xieraq. Dan minħabba l-fatt li l-prosekuzzjoni ma kellhiex provi biżżejjed fuq il-każ.

Fis-sentenza tagħha ta’ 17-il paġna, l-Qortiqalet li ma jistax jiġi konkluż li kull kelb barra f’bitħa fis-sajf f’xi ħin qed jiġi maħqur għax jidħlu diversi fatturi. Ir-raġel kien qed jiġi mixli li fl-2018, kien qed iżomm żewġ pitbulls f’bitħa interna f’Raħal Ġdid.

Mix-xhieda ħareġ li fil-31 t’Awwissu, 2018, uffiċjali mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għamlu spezzjoni fuq il-proprjetà ta’ Galea u sabu li kien hemm diversi ksur ta’ regolamenti fuq iż-żamma tal-annimali u klieb li kienu maltrattati u miżmuma fi stat ħażin.

Il-veterinarju tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali xehed li kien ħareġ kwerela wara li l-uffiċjali spjegaw li l-klieb qed jinżammu għal-longa tax-xemx u għalhekk kien hemm periklu fuq is-saħħa tagħhom. Xehed li l-klieb ma kellhomx il-libertà neċċessarja li jfittxu spazju aktar komdu.

Uffiċjal tad-Direttorat qal minn naħa tiegħu li daħlu rapporti li kien qed ikun hemm irwejjaħ u li saħanitra kien qed joħroġ id-dranaġġ għal fuq il-bankina. Meta daħlu ġewwa sabu l-klieb f’bitħa u kulma kellhom kienet ‘kennel’ żgħira fejn jistkennu minkejja s-sħana qawwija tas-sajf. Tenna li mal-art kien hemm il-ħmieġ tal-klieb.

Kompla jgħid li ġranet wara saret spezzjoni minn fuq bejt tal-ġirien kollox deher li l-klieb ma kellhomx aċċess għal ġewwa. Xhud importanti kien missier l-imputat li qal li huwa minnu li l-kieb kienu jkunu fil-bitħa, madankollu kellhom kamra fejn jidħlu li kienet tkun miftuħa fuq iċ-ċappetti u ‘kennel’. Sostna li l-klieb huma tat-tifel tiegħu, imma kien jieħu ħsiebhom hu.

Meta l-Qorti ġiet biex tagħti s-sentenza hija qalet li l-ħmieġ fuq il-bankina ta’ barra, u li dan kien ħiereġ mill-katusa li tgħaddi għal ġol-bitħa juri li kien qed isir tindif regolari ta’ din il-bitħa. Qalet li jekk dan it-tindif u l-ħmieġ kellux jispiċċa fit-triq huwa mertu ta’ proċeduri separati għax l-imputat ma ġiex akkużat b’kontravenzzjoni jew reat relatat.

Punt importanti fis-sentenza kienet dwar ritratti li ttieħdu bejn is-6.45am u t-7.45am. Dawn il-ħinijiet ifissru li l-klieb ma kienux barra fl-eqqel tax-xemx. Jekk wieħed jikkwota l-veterinarju, dan xehed li s-sħana tibda għall-ħabta tal-10am. Qalet li mill-provi ma ġiex stabbilit kemm kienu ilhom barra u kemm damu barra u jekk din kinitx issir b’mod frekwenti.

Il-Qorti qalet li ma jistax jiġi konkluż li kull kelb barra f’bitħa fis-sajf f’xi ħin ikun qed jinħaqar u li ma tressqux provi kemm kienu jdumu barra u lanqas xehdu nies biex jipprovaw li kien seħħ ir-reat. Punt importanti ieħor huwa li ħadd mix-xhieda ma rrapporta li l-klieb kienu fi stat ħażin u mkien ma rriżulta li l-klieb kienu morda, jibku, nexfin, imdejqin jew muġugħa.

Il-Maġistrat Lia spjegat ukoll li x-xhieda tal-missier tefgħet fid-dubbju min jieħu ħsieb l-istes klieb għax filwaqt li kienu tal-imputat, kien missieru li jieħu ħsiebhom dan minħabba li l-imputat kien ġieli jbati minn dipressjoni. Meta qieset kollox il-Qorti ma sabitux ħati u illiberatu minn kull ħtija. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Zerafa.