Lokali Qorti

Mixli b’sensiela ta’ serqiet fil-Mosta

Raġel mill-Mosta nżamm arrestat fuq diversi akkużi ta’ serq aggravat u misapproprjazzjoni. Jonathan Zammit ta’ 36 sena, li jaħdem bħala fitter fl-aluminium tressaq quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Mario Caruana.

Zammit spjega li l-avukat personali tiegħu kien kien fl-awla iżda kellu jitlaq minħabba impenji oħra meta l-qorti ttardjat b’aktar minn siegħa. L-Ispettur Jonathan Attard, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, akkuża lir-raġel li f’Novembru li għadda seraq mobile mill-Polyclinic tal-Mosta, li seraq mutur mill-Mosta matul il-lejl tat-2 ta’ Jannar, saq mingħajr liċenzja jew assigurazzjoni, seraq diesel minn ħames vetturi, liema serq huwa aggravat bil-ħin u mezzi u li kkawża ħsara fuq il-vetturi.

Zammit kien akkużat ukoll b’serq ta’ għodda, fit-22 ta’ Marzu. Huwa kien akkużat ukoll b’misapproprjazzjoni. L-Ispettur Attard qal li l-Pulizija tal-Mosta lt-Tnejn irċeviet telefonata dwar nies jiġru fuq il-bjut. Il-pulizija kienet konxja fuq mandat ta’ tfittxija u arrest fil-konfront ta’ Zammit fuq serq u ħsara kriminali. L-uffiċjali kienu marru fuq il-post u lemħuh, ġrew warajh u arrestawh. Huwa wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-fatt li xhieda pajżana kienu għadhom iridu jixhdu u minħabba l-karattru kriminali tal-akkużat, kif rifless fil-kondotta tiegħu bil-Qorti tiċħad it-talba.