Lokali Parlament

Problemi ta’ sigurtà f’San Pawl il-Baħar u l-Qawra

Graziella Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea appellat lill-gvern biex b’mod immedjat isaħħaħ is-sigurtà fiż-żoni ta’ San Pawl il-Baħar u l-Qawra.

Fl-Aġġornament tal-parlament Graziella Galea tkellmet dwar l-iskola tal-Qawra u qalet li għad fadal il-kwistjoni tal-parkeġġ ta’ 400 karozza li jinsab f’din l-iskola. Jidher li issa dan se jinfetaħ għall-pubbliku f’Lulju 2022. Hi appellat biex dan jibqa’ miftuħ tul is-sena kollha u mhux matul is-sajf biss. Jeħtieġ li jkun hemm is-sigurtà meħtieġa issa li dan il-parkeġġ se jinfetaħ.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-pulizija qed jaqdu dmirhom b’dedikazzjoni iżda s-sigurtà f’din iż-żona għandha tiżdied b’iktar preżenza ta’ pulizija. Hi appellat biex ikun hemm pulizja assenjati għal San Pawl il-Baħar u l-madwar minħabba l-ammont kbir ta’ nies li jkunu f’dawn il-lokalitajiet.

Graziella Galea tkellmet pożittivament dwar l-introduzzjoni tal-Pulizija tal-Komuità u appellat biex dawn il-pulizija jkomplu jiżdiedu. Jeħtieġ kontrolli fuq l-itlajjar ta’ persuni b’xorb alkoħoliku f’idejhom għaliex jidher li hemm nuqqasijiet fil-kuntest ta’ dawn ir-reati. Jeħtieġ li l-għases ikunu miftuħa waqt li ċertu żoni jkunu mgħassa b’CCTV cameras.