Lokali Qorti

Pulizija jgħid li s-Sirjan li nqatel f’Marsalforn spiċċa biex żvina

Surġent tal-Pulizija nvolut fl-investigazzjoni fil-qtil ta’ Sirjan f’Marsalforn, Għawdex qal li l-vittma miet fi triqtu lejn l-isptar wara li tilef ħafna demm kaġun ta’ daqqa ta’ sikkina li qala’ f’qalbu. Is-Surġent Josef Gauci kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fit-tieni seduta tal-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Maher Aljasem, is-Sirjan ta’ 24 sena li jinsab mixli bil-qtil ta’ Sirjan ieħor, Fawez Najem ta’ 25 sena.

Il-qtil seħħ is-Sibt 7 ta’ Mejju wara li nqalgħet kommossjoni bejn żewġ gruppi Sirjani f’Għawdex bil-vittma jinqatel f’appartament b’daqqa ta’ sikkina f’qalbu. Is-Surġent Gauci qal li meta mar fuq il-post ra ħafna demm fl-appartament, fil-garaxx ħdejn l-appartament u barra d-dar. Tenna li l-vittma ttieħed l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’karozza BMW u miet fiha qabel ma wasal.

Kompla jgħid li meta kellem lil wieħed miż-żewġt irġiel li kienu fid-dar dan qallu li meta daħlu l-irġiel fuqhom wieħed qallu li ried jiskarna lill-akkużat. L-akkużat sadanittant qallu li beda jxejjer mus biex jiddefendi lilu nnifsu minn dawk li bdew isawtuh u semma li kaxkruh fil-garaxx ta’ ħdejn l-appartament.

L-Ispettur Wayne Camilleri mill-Iskwadra tal-Omiċidji kien l-ewwel xhud fil-Qorti ta’ Għawdex. Qal li meta interroga lill-akkużat dan għaraf biss lill-vittma mill-grupp ta’ rġiel li allegatament daħlu jħebbu għalih u għal sħabu. L-Ispettur Camilleri qal li barra l-appartament instabu biċċiet ta’ ħadid u injam li ssuspetta kienu ntużaw fil-ġlieda.

Ix-xhud semma’ kif marru f’ħanut tax-xorb viċin l-appartament u kellmu impjegata tal-bar fejn ikkonfermat li kienet hi li rrappurtat lill-Pulizija. Hija qaltilhom li rat kommossjoni u madwar tmien persuni b’armi f’idejhom, bħal pajpijiet tal-ħadid, u daħlu fl-appartament u qalgħu kommossjoni.

Hija qalet ukoll li fl-inħawi hemm sit ta’ kostruzzjoni u rat lill-irġiel fejn ħasbet li setgħu ġab l-oġġettti li ntużaw fil-ġlieda minn hemm waqt li mistoqsija għarfitx lil xi ħadd, wieġbet fin-negattiva għax il-prijorità kienet li ddaħħal klijenti ġewwa.

L-Ispettur qal li kien infurmat ukoll li fl-appartament fejn seħħ l-omiċidju kienu ġew arrestati żewġt irġiel li jgħixu fih. Wara mar l-isptar biex ikellem lill-akkużat. L-akkużat qal li huwa kien fl-appartament fejn kien jgħix ma’ żewġt iħbieb tiegħu, xi ħadd ħabbat mal-bieb u x’ħin wieħed minn sħabu fetaħ daħlu xi sitta min-nies li bdew isawtuh.

L-akkużat qal lill-Pulizja li huwa u l-vittma kienu ġejjin minn partijiet differenti tas-Sirja u l-vittma beda joffendi lil sieħbu u għalhekk iddefendih. Huwa qal lill-Pulizija li uża ‘flick knife’ biex jiddefendi lilu nnifsu mill-attakk fl-appartament imma nsista li ma jafx lil min laqat. Kull ma jaf huwa li dan kien liebes flokk abjad.

L-Ispettur Wayne Camilleri sostna wkoll li huwa kellem lil ħabib tal-akkużat, ukoll mir-Sirja, imma dan qallu li ma xtaqx jitkellem qabel jitkellem ma’ avukat. Huwa kellem Sirjan ieħor fejn dan qallu li ra lill-vittma ferut u li kien qed jitlef ħafna demm imbagħad rah jittieħed lejn l-isptar.

L-Ispettur saħaq ukoll li meta kellmu liż-żewġ Sirjani li kienu jgħixu mal-akkużat dawn ukoll qalu kif kienu d-dar meta mar grupp ta’ rġiel u attakkawhom u għarfu lill-vittma bħala wieħed mill-aggressuri. Meta reġa’ kellem lill-akkużat dan ikkonferma dak li kien qal lill-Pulizija qabel u mistoqsi jagħrafx lil xi ħadd aktar qal li diffiċli għax kienu mgħammdin.

L-akkużat qal ukoll lill-Pulizija li xi ħadd mill-aggressuri ħalla l-mobile d-dar u stqarr li kien beżgħan għal sħabu. Ix-xhud semma wkoll li l-akkużat kellu ġrieħi f’idu u rasu u deher muġugħ waqt l-interrogazzjoni. L-akkużat inġieb mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin akkumpanjat minn diversi gwardjani tal-ħabs armati bil-‘bullet proof vests’ u armi.

Ahmed El Hamdan, li xog]lu hu li jqiegħed il-madum li kien jgħix mal-akkużat, ta xhieda twila. Qal kif fil-lejl tal-inċident, kien mar id-dar wara x-xogħol u beda jsajjar. Għall-ħabta tat-8.30pm sema’ l-bieb iħabbat. Dawn kienu l-vittma u raġel ieħor li ma setax jidentifika.

Wieħed minnhom kien qed iġorr pajp tal-metall. El Hamdan qal li ma kellu l-ebda relazzjoni mal-ebda wieħed minn dawn l-irġiel u sempliċement kien jafhom mill-wiċċ. Dawn staqsew għall-akkużat, iżda qalilhom li ma kienx jaf fejn kien. Meta mistoqsi għaliex riedu lil Aljasem, ix-xhud qal li l-irġiel kienu użaw frażi bl-Għarbi, li tista’ tfisser jew li riedu jaqtgħulu griżmejh jew li riedu jagħtuh xeba’.

L-irġiel sfurzaw lilhom infurshom ġewwa u nqalgħet kommossjoni. Eventwalment il-ġlied inxerred fit-triq. Ix-xhud qal li l-irġiel imbagħad ingħaqdu minn ħamsa oħra li aggrediwh, u ma kienx ċert għaliex. Huwa intilef minn sensih u mbagħad beda jistejqer meta l-kumplament tal-kommossjoni spiċċat.

Xehed fit-tul ukoll dwar battibekki preċedenti bejn il-vittma u xi Sirjani oħra li kienu involuti aktar kmieni dakinhar stess. Wara xehed Ahmed Muhammed, magħruf ma’ sħabu bħala ċ-ċkejken Ahmed, li kien jgħix ukoll fl-istess dar ta’ Aljasem.

Filwaqt li ddeskriva l-ġlieda li kienet seħħet aktar kmieni dakinhar tal-qtil, Muhammed qal li l-vittma kien għamel xi kummenti dispreġġjattivi, li mplika li kien superjuri għalihom. Mara Ingliża li kienet fl-inħawi fil-ħin tal-qtil qalet lill-Qorti li rat siġġu jintefa’ barra mid-dar fejn inqatel Najem.

Qalet li kienet rat ukoll persuna dawwar f’sit ta’ kostruzzjoni fil-qrib u lemħet lil dik il-persuna ħierġa b’biċċa injama. Xhud ieħor, Ingliż li joqgħod fl-inħawi, qal lill-Qorti li dakinhar ra ġlied fit-toroq. Huwa ra lill-vittma, mxarrab bid-demm, jitkaxkar f’karozza. Il-kawża, se tkompli fit-3 ta’ Ġunju fid-9am. L-avukati Peter Fenech, Elena Fenech u Amy Zahra kien l-avukati difensuri. L-avukati Franco Debono, Deborah Camilleri u Matthew Xuereb dehru parte civile, f’isem il-familji tal-vittmi.