Lokali Qorti

Raġel ta’ dixxendenza Maltija żamm mara ostaġġ għal seba’ ġimgħat u ttorturaha bil-labar f’Manchester

Raġel ta’ dixxendenza Maltija kkontrolla u żamm mara ostaġġ għal kważi xahrejn, filwaqt li għamel attakki terribbli u krudili fuqha. Neil Cauchi ta’ 33 sena ġie kundannat 19-il sena l-ħabs wara li wettaq reati tal-biża’, fosthom stupru u attakk sesswali.

Cauchi rabatha ma’ sodda f’dar ġewwa Salford, lokalità fid-distrett ta’ Manchester wara argument, qabel taha diversi daqqiet ta’ ponn u weġġagħha f’saqajha b’‘oġġett iebes’. Cauchi, li għandu problema ta’ droga ttorturaha wkoll bil-labar li kien jużahom biex jamministra d-droga, dan meta kien jaf li l-mara kienet tibża’ minnhom.

F’perjodu ta’ kważi xahrejn hija kienet sekwestrata minn Cauchi fejn inżammet imsakkra, F’dan il-perjodu Cauchi stupraha u attakkaha sesswalment. Hija ma baqgħetx marbuta iżda baqgħet imwerwra tant li bdiet tibża’ tħalli l-proprjetà f’Eccles ġewwa Salforf, wara li Cauchi kien kontinwament jheddidha.

Il-mara eventwalment ġiet salvata mill-kalvarju tagħha, qal il-prosekutur Mark Kellet fil-Qorti ta’ Minshull f’Manchester. Meta kkundanna lil Cauchi għal sentenza ta’ 19-il sena ħabs, l-Imħallef ikkundanna l-aġir tal-ħati. Tant kienet ilha marbuta, li jdejha saru vjola. Waqt li kienet marbuta, f’ħin minnhom hedded li jwaħħlilha l-labra f’għajnejha. Huwa kkommetta wkoll stupru ieħor matul dak il-perjodu.

Cauchi, mingħajr indirizz fiss, instab ħati ta’ żewġ akkuża ta’ stupru, żewġ akkuża ta’ priġunerija falza, akkuża ta’ kawża ta’ ġrieħi reali u ta’ attakk sesswali wara proċess. Huwa ammetta intimidazzjoni ta’ xhieda fir-rigward ta’ mara oħra, li kienet akkużatu b’abbuż.

Għal aktar minn ġimgħa bbumbardja lill-mara b’200 telefonata kuljum, u qalilha biex tirtira l-istqarrija li għamlet kontrih. F’dikjarazzjoni li qara fil-Qorti, Cauchi qal li hu ‘dispjaċut ħafna’ u ‘mistħi’ bl-aġir tiegħu. “Jien diżgustat bijja nnifsi,” qal. “J’Alla jgħinni nsib il-paċi.”

Damian Nolan, l-Avukat difensur tiegħu qal li r-reati kienu ta’ għajb, iżda qal li issa huwa ‘persuna pjuttost differenti’ u ma baqax jiddependi fuq id-droga. Cauchi se jiskonta żewġ terzi tas-sentenza tiegħu fil-ħabs, liema sentenza ngħatat x-xahar li għadda.