Internazzjonali

Ukrajna: Il-qawwiet ta’ Zelensky ‘kissru s-sinsla’ tal-Armata Russa – iżda l-President xorta qed iwissi kontra l-aspettativi għolja

 

Għalkemm ir-Russi qegħdin jidhru li għamlu l-kisbiet militari fl-Ukrajna tal-Lvant, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky mgħandux dubju li l-qawwiet ta’ pajjiżu, f’dawn il-ġimgħat, irnexxielhom ‘ikissru s-sinsla’ ta’ waħda mill-aktar Armati b’saħħithom fid-dinja.

Ir-Russi setgħu tilfu talanqas 30,000 suldat mill-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna ( fl-24 ta’ Frar) u Zelensky jinsab fiduċjuż li r-Russja, wara s-sensiela ta’ disfatti fuq il-kampijiet tal-battalja,’ mhumiex se jirnexxilhom jirkupraw — minn aspett militari — għal ħafna snin’.

Madankollu, Zelensky hu l-ewwel wieħed li jirrikonoxxi li pajjiżu qed jiġġieled kontra avversarju bir-riżorsi ferm superjuri għal tiegħu.

Għaldaqstant, il-President Ukren wissa biex ħadd ma jkollu aspettativi għoljin iż-żejjed dwar kemm l-Ukrajna tista’ toħloq ‘il-mirakli’ waqt il-gwerra, fost sejħiet ripetuti għal aktar għajnuna lil pajjiżu min-naħa tal-Punent.

Volodymyr Zelensky u l-Gvern tal-Ukrajna qed jaqblu li jekk kemm-il darba pajjiżhom jirritorna għall-ħajja u l-istatus quo tat-23 ta’ Frar (qabel l-invażjoni tar-Russi) dan, fih innifsu, għandu jirrappreżenta trijonf kbir għall-poplu Ukren qalbieni.

Fl-istess ħin, Zelensky qed jittama li l-gwerra fl-Ukrajna tavviċina dalwaqt ‘it-tmiem tal-ewwel fażi’ waqt li jemmen li l-konflitt jista’ ikun riżolt biss bis-saħħa tad-diplomazija.