Lokali

‘Xogħol fis-Sħana u x-Xemx’ – dokument ta’ gwida mill-OHSA

Matul ix-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-melanoma, u biż-żieda attwali fit-temperatura u l-possibbiltà ta’ heatwave, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (l-OHSA) mill-ġdid qed tisħaq dwar il-bżonn li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu evitati problemi ta’ saħħa li jirriżultaw minn espożizzjoni żejda għar-raġġi tax-xemx u għal sħana żejda.

Persuni li jaħdmu barra jafu xi tfisser ix-xemx u l-isfidi li jġib miegħu x-xogħol fil-klima sħuna ta’ Malta. Ix-xogħol barra għandu bosta riskji, inkluż l-espożizzjoni għal radjazzjoni UV perikoluża u sħana eċċessiva.

L-OHSA qalet li l-mard relatat mas-sħana jista’ jiġi evitat, u jitlob impenn minn min iħaddem li jipprovdi l-aktar kontrolli effettivi skont kif identifikati fl-evalwazzjoni tar-riskju. L-aħjar strateġiji biex taħdem barra mingħajr periklu huma li tiġi evitata l-espożizzjoni għax-xemx u li tirregola kif il-ħaddiema jaħdmu fis-sħana.

Ta’ kull sena, l-OHSA toħroġ id-dokument ‘Xogħol fis-Sħana u x-Xemx’ bħala gwida għad-duty-holders fl-identifikazzjoni tar-riskji assoċjati ma’ dan it-tip ta’ xogħol, il-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll l-informazzjoni għall-ħaddiema.

Dan id-dokument ta’ gwida huwa disponibbli kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti u jista’ jitniżżel mingħajr ħlas mill-paġna ta’ Facebook tal-OHSA jew billi wieħed jidħol f’dawn il-link: Malti: https://bit.ly/Xemx_Shana_MT u Ingliż: https://bit.ly/sun_heat_EN

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jikkuntattja lill-OHSA fuq 2124 7677, jibgħat email fuq ohsa@gov.mt jew iżur il-paġna ta’ Facebook tal-OHSA @ohsamalta.