Traġedja oħra fl-Istati Uniti, wara li 19-il student li għandhom bejn seba’ u 10 snin flimkien ma’ żewġ għalliema tilfu ħajjithom waqt sparatura fi skola Primarja f’Texas fejn kien hemm 500 student.
L-aggressur, Salvador Ramos, li kellu 18-il sena, fetaħ in-nar qabel ma nqatel minn uffiċjal tal-Pulizija, bl-investigaturi qed jgħidu li hu kien armat b’pistola semi-awtomatika tat-tip AR-15 – pistola li xtara propju malli għalaq 18 il sena.
Iż-żagħżugħ huwa suspettat li spara lin-nanna tiegħu qabel beda l-attakk fuq l-iskola Primarja. Dan filwaqt li rapporti fil-midja Amerikana qed jgħidu li l-ġuvni seta’ kien jattendi skola sekondarja fiż-żona.
Intqal li l-aggressur l-ewwel abbanduna l-vettura qabel daħal fl-iskola biex fetaħ in-nar fuq it-tfal, każ li beda fil-11:30 ta’ filgħodu ħin lokali, bl-investigaturi jemmnu li l-aggressur kien waħdu fit-twettieq ta’ dan ir-reat faħxi.
F’indirizz lin-nazzjon, il-President Amerikan, Joe Biden, stqasa kemm-il massakru fl-iskejjel se jkollu jgħaddi minnhom il-pajjiż biex jittieħdu azzjonijiet deċiżivi mis-Senat Amerikan.
“I am sick and tired of it. We have to act and don’t tell me we cannot have an impact on this carnage.”
Biden qal illi meta fis-Senat għaddew liġijiet sensibbli dwar l-użu tal-armi tan-nar, dawn il-massakri naqqsu bil-kbir … iżda meta dawn id-digrieti skadew u ma ġewx aġġornati, it-traġedji reġgħu ttriplaw.
“The idea that an 18 year old kid can walk into a gun store and buy 2 assault weapons, is just wrong. What in God’s name do you need to solve it for except to kill someone?”
Fost dawk li rreaġixxaw għal dan il-massakru kien hemm ukoll Steve Kerr, kowċ tal-basketball tat-tim tal-NBA f’San Francisco, Golden State Warriors, li skarta kwalukwe mistoqsija fuq il-partita li kien imisshom … biex wassal appell imqanqal lis-Senat Amerikan.
“Now we have children murdered at school. When are we going to do something?! I’m tired, I’m so tired of getting up here to offer condolences to the devasted families that are out there. I’m tired of the moments of silence. Enough! (…) I ask all you senators who refuse to do anything about the violence in school shootings, in supermarket shootings, I ask you are you going to put your own desire for power ahead of the lives of the children, of the elderly, of churchgoers? Because that’s what it looks like.”
Anki l-Papa Franġisku esprima s-sogħba għal din it-traġedja mdemmija f’Texas, u talab għall-vittmi kif ukoll il-familji tagħhom waqt l-udjenza tal-Erbgħa fil-Vatikan. Il-Papa ressaq appell sabiex jieqaf it-traffikkar tal-armi ħalli traġedji mdemmija bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.