Lokali Qorti

Anzjan jingħata lura depożitu ta’ €500 wara li festin tħassar minħabba l-Covid

Il-Qorti tal-Appell ordnat biex jingħata lura €500 li kien ħallas lill-kumpanija tal-ikel wara li festin li ried jorganizza f’għeluq it-80 sena tiegħu tħassar minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Dan seħħ f’Jannar ta’ sentejn ilu fejn Henry Schembri, kien mar għand il-kumpanija Busy Bee biex tagħih stima għal festin li xtaq jagħmel f’Diċembru tal-istess sena.

Huwa ħallas id-depożitu kif mitlub madankollu l-festin, li għalih stieden ukoll nies ħbieb tiegħu minn barra l-pajjiż, kellu jitħassar minħabba r-restrizzjonijiet li daħlu fis-seħħ b’rabta mal-pandemija. L-anzjan talab lill-kumpanija troddlu lura id-depożitu imma irrifjutat u għalhekk fetaħ kawża quddiem it-Tribunal għat-Talbiet Żgħar.

Il-kumpanija insistiet li fuq il-kwotazzjoni li tagħtu kien hemm miktub ċar li d-depożitu kien jintilef f’każ li jħassar il-festin u sostniet li hija offrietlu li l-festin isir bilqiegħda. Madankollu huwa ma riedx u infurmaha li kien qed jikkanċella. It-Tribunal għat-Talbiet Żgħar ta raġun lill-anzjan u ordna lill-kumpanija biex troddlu d-depożitu.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-kumpanija appellat id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-appell. L-Imħallef Lawrence Mintoff qal fid-deċiżjoni tiegħu hekk kif qabek mat-tribunal, li ma nġiebet ebda prova li bejn iż-żewġ partijiet li kien hemm xi ftehim bil-miktub li jgħid li d-depożitu mħallas kien non-refundable.

“L-anzjan kien kostrett jikkanċella l-festin maħsub għal għeluq it-80 sena tiegħu, okkażjoni ta’ darba li ma setgħetx tiġi posposta bħat-tiġijiet. Għalkemm il-festin seta’ jsir kien hemm numru ta’ restrizzjonijiet, fosthom li ma setax isir bilwieqfa, u għalkemm veru li l-kumpanija offrietlu format differenti għall-festin, jiġifieri bilqiegħda, dan kien se jiġih jiswa d-doppju” qal l-Imħallef. L-appell tal-kumpanija għaldaqtant ġie miċħud u ġiet kkonfemata d-deċiżjoni tat-Tribunal għat-Talbiet Żgħar biex l-anzjan jingħata lura l-€500 depożitu.