Lokali

DAVOS: Metsola tisħaq li l-UE tkun qawwa globali tad-demokrazija

Tappella sabiex f’għaqda waħda l-istati membri jitbiegħdu mir-Russja

Hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tkun qawwa globali u tarka tad-demokrazija.

Sostniet dan il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola hekk kif qed jitlaqqa l-Forum Ekonomiku Dinji f’Davos, fl-Iżvizzera. Metsola insistiet li l-bloc Ewropew għandu jespandi hekk kif il-kontinent qed iħabbat wiċċu mat-theddida reali tal-gwerra.

Hija kienet qed tindirizza panel quddiem il-mexxejja tad-dinja….bis-suġġett primarju inevitabbilment ikun il-gwerra fl-Ukrajna kif ukoll- l-għaqda bejn l-istati membri ewropej.

Roberta Metsola insistiet li hemm bżonn li l-pajjiżi membri jistaqsu lilhom infushom jekk hux lesti jiftħu l-bibien għal pajjiżi oħrajn li jaqblu fil-prinċipji tal-Unjoni Ewropea…lil’hinn mill-ekonomija..iżda biex insaħħu d-demokrazija.

Dan filwaqt li l-President tal-Parlament Ewropew faħħret is-suċċessi s’issa tal-Unjoni Ewropea fejn iddeskrivietha bħala għaqda bejn pajjiżi li jaqsmu l-istess twemmin fundamentali u l-ġlieda favur id-demokrazija.

Metsola saħqet li l-Ewropa qed tħabbat wiċċha ma deċiżjonijiet kruċjali li se jiddeterminaw il-ġejjieni, filwaqt li insistiet li għal snin twal qatt ma ġie kkunsidrat li tinħoloq unjoni għall-enerġija fejn nitbiegħu mir-Russja u minflok l-istati membri jgħinu lil xulxin.

Hija sostniet li fl-aħħar mill-aħħar l-istati membri jridu jistaqsu lilhom infushom hux se jixħtu prezz fuq id-demokrazija jew hux se jqisu dan il-valur bħala xi ħaġa imprezzabbli….għaliex, kompliet Metsola, ma jistgħux jibqgħu dipendenti għall-għajxien taċ-ċittadini Ewropej…fuq il-ħniena tal-għedewwa.

Roberta Metsola appellat li aktar minn qatt qabel wasal iż-żmien li nħarsu lejn enerġija rinovabbli b’aktar serjetà.

Dan filwaqt li insistiet li dwar l-importanza li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jkollhom imġieba tajba u li l-prijorità tal-Unjoni hija li tiġi rispettata r-rule of law. Metsola insistiet li t-tqassim ta’ għajnuna finanzjarja mill-Unjoni lill-istati membri tiġi b’kundizzjoni. Dan għaliex min ma jżommx mar-regoli, min jabbuża mill-minoritajiet jew min jipproteġi lill-politiċi minkejja li jiksru l-liġi…. m’humiex eliġibbli.