Team Greens kellu ġurnata oħra ta’ suċċessi meta fl-ewwel tiġrija mill-Kampjonat tar-Road organizzat mill- Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, li nżammet f’San Martin, iċ-ċiklisti tagħhom Etienne Bonello u martu Danica Bonello Spiteri ħarġu rebbieħa fil-kategoriji prinċipali fl-ewwel minn sensiela ta’ tliet tiġrijiet marbuta mal-Kampjonat tat-Triq.
Etienne Bonello rebaħ il-Kategorija Elite meta spiċċa fl-ewwel post fi sprint finali wara 7 laps fuq distanza ta’ 61.6km f’ħin ta’ f’siegħa, 46 minuta u 25.91 sekonda. Warajh spiċċaw rispettivament fit-tieni u t-tielet post, iċ-champion renjanti Pierre Borg ta’ Mosta AF Sign Studio (1:46:28.17) u John Camilleri ta’ B’Kara St Joseph (1:46:28.48). Fil-Kategorija tan-Nisa kellna dominju miċ-ċiklisti tat-Team Greens fejn spiċċat rebbieħa Danica Bonello Spiteri (Team Greens) li temmet il-ħames laps tagħha f’ħin ta’ f’siegħa, 23 minuta u 54.46 sekonda. Warajha daħlu Juleanne Vassallo (1:24:11.24) u Diane Muscat (1:30:38.93).
Justin Gauci ta’ Mosta AF Sign Studio rebaħ il-Kategorija Master 40+ meta spiċċa l-ewwel fil-ħames laps tiegħu f’ħin ta’ siegħa, 21 minuta u 4.88 sekonda. Ivan Zammit ta’ B’Kara St Joseph spiċċa t-tieni (1:21:13.13) u Nicholas Schembri tat-Team Greens (1:21:40.15) daħal fit-tielet pożizjoni. Il-Kategorija tal-Masters Over 50 intrebħet minn Mario Attard tat-Team Greens f’ħin ta’ siegħa, 21 minuta u 8.77 sekonda. Warajh spiċċaw rispettivament Steve Andrew Bell ta’ The Cyclist (1:23:41.22) u Joseph Micallef tat-Team Greens (1:24:45.23).
Il-Kategorija tal-Under 23 kienet iddominata minn Luke Borg ta’ The Cyclist meta temm is-7 dawriet tiegħu fuq quddiem f’siegħa, 46 minuta u 25.91 sekonda. Warajh spiċċaw rispettivament żewġ ċiklisti debuttanti ta’ B’Kara St Joseph, Sean Michael Darmanin (2:00:45.93) u Julian James Axiaq (2:14:34.58). Darren Sultana ta’ Gozo CC rebaħ il-Kategorija tal-Juniors meta temm is-7 dawriet tiegħu f’siegħa, 57 minuta u 04.04 sekonda, fil-waqt li Kai Azzopardi ta’ Agones Sfc rebaħ il-Kategorija Under 16 meta spiċċa t-tliet dawriet tiegħu f’47 minuta u 34.07 sekonda.
Fi tmiem dawn it-tiġrijiet saru l-premjazzjonijiet tal-medalji minn John Zammit u Joe Bajada, President u Segretarju Ġenerali rispettivament tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.
//= $special ?>