Internazzjonali Saħħa

Ħames każi attivi ta’ monkeypox irrappurtati fl-Italja

18-il pajjiż lil hinn mill-kontinent Afrikan li rreġistraw każijiet tal-marda

Fl-aħħar 24 siegħa, l-Italja rreġistrat 5 każi attivi ta’ monkeypox hekk kif każ ieħor instab fl-Isptar ta’ Spallanzani f’Ruma, l-ogħla istitut Taljan għall-mard infettiv.

Kelliema għall-isptar qal li l-każ il-ġdid kellu karatteristiċi kliniċi u ta’ trażmissjoni li kienu simili għall-każ preċedenti.

L-ewwel każ ta’ monkey smallpox instab f’raġel li kien għadu kif irritorna minn btala fil-Gżejjer Kanarji, destinazzjoni li kienet is-sors ta’ aktar każi tal-marda hekk kif ir-4 każ kien ta’ raġel ta’ 32 sena li rritorna lejn Arezzo minn dawn il-gżejjer, l-ewwel każ għar-reġjun Toskan.

Fl-istess sptar f’Ruma b’kollox hemm 4 pazjenti bil-monkeypox, bi 15-il raġel li ġew f’kuntatt ma’ dawn il-pazjenti qed jiżolaw lilhom infushom


Fl-istess waqt, fir-Repubblika Ċeka u l-Islovenja ġew irrappurtati l-ewwel każijiet ta’ monkeypox, filwaqt li Emirati Arab Magħquda sar l-ewwel stat fil-Golf Għarbi li rreġistra każ, biex b’kollox huma 18 il-pajjiżi li fihom instab dan il-virus lil hinn mill-kontinent Afrikan.

L-esperti qed jgħidu li n-numru ta’ każijiet mistennija jiżdiedu iżda r-riskju globali għad-dinja xorta mistenni jkun wieħed minimu.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, li bħalissa għadha kif ikkonfermat lid-Direttur tagħha, Tedros Ghebreyesus, għat-tieni terminu tiegħu ta’ 5 snin, ħeġġet lill-pajjiżi lil hinn mill-kontinent Afrikan sabiex ikunu viġilanti u jżidu s-sorveljanza fuq l-infezzjoni sabiex jikkontrollaw il-livelli ta’ trażmissjoni.

B’kollox ġew ikkonfermati mal-240 każ ta’ monkeypox f’dawn it-18-il pajjiż, bil-Ġermanja ordnat mal-40,000 doża tat-tilqima Imvanex, li jintuża għal kontra is-smallpox iżda li huwa effettiv ukoll kontra l-monkeypox f’każ li l-firxa tiggrava.

Il-monkeypox ġie skopert għall-ewwel darba fl-1958 meta faqqgħu żewġ mardiet li jixxiebah mal-pox li instab f’kolonja ta’ xadini li kien jinżammu għar-riċerka biex imbagħad l-ewwel każ fi bniedem kien irreġistrat fl-1970 fil-Kongo, marda li baqgħet tiġi rrappurtata biss f’pajjiżi tal-Afrika ċentrali u tal-punent.

Fost is-sintomi evidenti tal-monkeypox hemm id-deni, uġiegħ ta’ ras u dak fl-għadam, kif ukoll raxx fil-forma ta’ kallijiet kbar, bil-marda tista’ tittieħed minn persuna għall-oħra jekk ikun hemm kuntatt mill-viċin ma’ xi ħadd infettat, anki billi wieħed imiss oġġetti kontaminati jew bi trażmissjoni sesswali.