Graziella Attard Previ, PN
Id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ sostniet fil-parlament li l-femiċidju bħala kunċett għandu jingħata għarfien fil-kodiċi kriminali.
Din is-sena, 2022, bdejnieha b’aħbar li kexkxet lil kulħadd. Fis-siegħat bikrin tat-tieni jum tas-sena, nsiru nafu bl-aħbar li mara kienet ġiet stuprata, attakkata b’mod vjolenti, mgħallqa u maqtula.
Din il-mara Pollakka ta’ disgħa u għoxrin sena, mara li kienet fil-fjur ta’ ħajjtiha- min jaf kemm kellha ħolm u aspirazzjonijiet meta ġiet tgħix Malta- il-ħajja ta’ din il-mara ntemmgħet ħesrem. Ġiet maqtula għax kienet mara. Kif nafu, fil-pajjiż qam agħa kbir. Kulħadd ixxokkja ruħu.
Jien din il-ġrajja għextha mill-qrib għax dak iż-żmien kont ghadni kif ilhaqt is-Sindku ta’ tas-Sliema. Id-delitt ġara ftit ‘il bogħod minn fejn noqgħod jien. Il-kliem fuq fomm kulhadd kienu… “kemm aħna safe f’dan il-pajjiż?”
Numru kbir ta’ nisa, fosthom tfajliet zghar (hbieb ta’ uliedi) avviċinawni u esprimew it-tħassib u l-beżgħat tagħhom- dak li ġara lil Paulina Dembska seta’ ġara lil kwalunkwe mara oħra… setgħet grat lilhom!
Minn hemmekk beda jinstema’ għall-ewwel darba li hemm bżonn li jiddaħħal il-kunċett ta’ femiċidju fil-Kodiċi Kriminali. Mhux kulħadd jaqbel mal-kunċett tal-femiċidju. Hawn min jargumenta li kull qtil huwa qtil, u li l-ġeneru ma għandux x’jaqsam. Dan l-argument għandu s-saħħa tiegħu għaliex huwa vera li kull ħajja, ta’ mara, ta’ raġel, ta’ trans, ta’ gay – hu x’inhu l-ġeneru- kull ħajja hija prezzjuża ndaqs.
U ħadd m’hu qed jgħid li l-ħajja ta’ mara tiswa aktar minn dik ta’ raġel.
Imma biex l-argument narawh fit-totalita tiegħu rridu nieqfu u nevalwaw jekk in-nisa humiex fi żvantaġġ meta mqabbla mal-irġiel fejn tidħol il-probabbilta li mara tinqatel minħabba l-ġeneru tagħħa.
Jekk nidbew mill-iktar fatt ovvju- is-saħħa fiżika- ma nistgħux ninnegaw li l-mara hija fi żvantaġġ. F’sitwazzjoni fejn hemm vjolenza fiżika, aktarx li r-raġel ser ikun aktar b’saħħtu mill-mara.
Mela jekk mara ser tiġi attakkata fiżikament, jew jekk qed tipprova taħrab minn sitwazzjoni fejn hemm aggressur, il-mara, minħabba l-ġeneru tagħha diġa qiegħda fi żvantaġġ.F’Jannar ta’ din is-sena, ħareġ rapport mill-Universita’ ta’ Malta u l- Women’s Rights Foundation, dan ir-Rapport ifforma parti mill-FEM United Project- Proġett għal prevenzjoni tal-femiċidju fl-Ewropa.
Dan ir-rapport jikkwota li 25% tal-omiċidji li ġraw f’Malta bejn 2010 u 2015, kienu relatati mal-vjolenza domestika u femiċidji.
Dan ir-rapport jirreferi għal studji li juru li f’Malta, waħda minn kull seba’ nisa ġiet esposta għal vjolenza fiżikali u/jew sesswali minn eta żgħira;
kważi kwart tan-nisa soffrew minn xi forma ta’ abbuż – fiżikali, sesswali jew psikololġiku qabel ma għalqu ħmistax il-sena. Dan ir-rapport jgħid li 12% tan-nisa kienu vittmi ta’ vjolenza mingħand il-partner intimu tagħhom.
Aktar inkwetanti u xokkanti huwa l-fatt li minn dawn in-nisa, 14% biss ikkuntatjaw lill-pulizija dwar dak li ġralhom. Għaliex għad hawn klima li ma tħajajrx lil min ed isfori dn l-abbuż be xjriraporta? Jista’ jkun li min qed isofri dan l-abbuż m’għandux fiduċja li se jingħata l-protezzjoni meħtieġa? Jista’ jkun li hemm il-biża’ li jekk isir rapport, is-sitwazzjoni tmur għall-agħar?
Dan l-istess rapport, sar mill-Università ta’ Malta flimkien mal-Women’s Rights Foundation, jikkwota lill-istoriku Eddie Attard (2016) li jgħid li mill-1800 lil hawn, terz tan-nisa li nqattlu f’Malta ġew maqtula mir-raġel tagħhom jew mill-eks raġel tagħhom.
In-nisa maqtula, nqatlu minn żwieġhom, jew il-partner, it-tifel, ħuhom jew xi neputi. Dawn in-nisa ġew mgħarrqa, abbużati, aggrediti b’mod vjolenti, maħruqa, mormija minn irdumijiet. Dawn in-nisa kienu omm, bint, oħt xi ħadd. Il-ħajja tagħhom inħasdet. Dawn in-nisa għadhom qiegħdin jitolbu ġustizzja minn soċjeta li ma pproteġġithomx biżżejjed, li ma semgħetx il-karba tagħhom u li ppermettiet li jkunu u li jibqgħu f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ li fl-aħħar waslet biex dawn in-nisa isiru vittmi.
Jekk nerġgħu nħarsu lejn in-numri, nkomplu nifhmu s-sitwazzjoni u l-gravita tas-sitwazzjoni.
Mis-sena 2000 lil hawn, inqatlu madwar 40 mara f’Malta; 70% ta’ dawn l-omiċdji jiġu kklassifikati, mill-Women’s Rights Foundation, bħala femiċidju.Il-femiċidj qiegħed iseħħ madwarna. L-ewwel pass huwa li nirrikonoxxu dan il-fatt.
Irridu nkomplu naħdmu biex ir-rata ta’ femiċdju tonqos – bi sforzi kbar li jridu jinkludu edukazzjoni, għarfien pubbliku, tibdil ta’ attitudnijiet, protezzjoni lil min għandu bżonnha, kuxjenza u klima fejn id-diżkriminazzjoni tingħeleb.
L-ugwaljanza bejn is-sessi tmur oltre minn dak li hemm miktub fil-liġijiet li għandna, imma trid tkun verament riflessa f’dak kollu li qiegħed jiġri fil-positijiet tax-xogħol, fil-familji wara li jingħalaq il-bieb ta’ barra, fit-triq u fil-messaġġi li kontinwament qegħdin jgħaddulna l-medja soċjali. Il-pass li jmiss huwa li l-femiċdju bħala kunċett jingħata għarfien fil-kodiċi kriminali tagħna.
//= $special ?>

