Futbol Sport

Il-goalkeeper Jonathan Debono jingħaqad ma’ Balzan FC

(Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo)

Il-paġna Replay (Net Television) ħabbret li Balzan F.C. akkwistaw lill-goalkeeper ta’ 35 sena Jonathan Debono wara li dan għażel li ma’ jġeddidx ma’ Sirens F.C.

Debono l-istaġun li għadda bdieh maċ-champions Hibernians F.C. iżda wara l-kompetizjonijiet Ewropej ingħaqad ma’ Sirens u kien pedina importanti biex it-tim minn San Pawl il-Baħar ikkonferma postu fl-ogħla diviżjoni. Il-prestazzjonijiet tiegħu kienu determinanti f’ċertu partiti u punti miksuba u bla dubju kien wieħed mill-aqwa goalkeepers tal-istaġun. Huwa kien ukoll magħżul mal-aqwa 11 fil-Malta Football Players Association Awards ta’ din is-sena.

Debono se jkun qed jieħu post Jake Galea bejn il-lasti ta’ Balzan wara li dan tal-aħħar ħalla lil Balzan bil-ħsieb li jibda avventura barra minn xtutna.