Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kumitat LIBE b’appell biex il-ġustizzja f’pajjiżna ma tkaxkarx saqajha

Id-dewmien u l-ħela ta’ ħin biex issir ġustizzja ikun minnu innifsu qed iċaħħad milli l-ġustizzja verament issir.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ matul konferenza tal-aħbarijiet minn delegazzjoni mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) fi tmiem żjara ta’ tlett ijiem f’pajjiżna mimlija b’laqgħat mal-ogħla awtoritajiet u entitajiet oħrajn relatati mas-Saltna tad-Dritt.

Iċ-Chairperson tal-Kumitat Sophie in ‘t Veld enfasizzat l-importanza li f’Malta tintemm għal kollox il-politika tal-impunità fil-Gvern. U apparti dan, il-Gvern innifsu għandu jara li jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet li ilhom isirulu, ladarba jidher ċar li l-urġenza intilfet.

Hi nnotat id-dewmien fil-proċessi ġudizzjarji f’pajjiżna, bħal fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Għax filwaqt li wara erba’ snin u nofs għadha ma saritx ġustizzja, fis-Slovakkja – wara l-assassinju ta’ Jan Kuciak, li seħħ erba’ xhur biss wara l-każ ta’ Caruana Galizia – il-każ mhux talli ngħalaq f’qasir żmien, talli anke tressqu l-Qorti l-politiċi relatati.

in ‘t Veld u l-membri preżenti – fosthom is-Soċjalist Franco Roberti – tennew it-tħassib tal-Kumitat għall-mod kif il-Gvern Malti qed jinsisti bil-bejgħ tal-Passaporti. Fl-istess waqt, qed jibqa’ jiġi nnotat kif il-Gvern qed ikompli joħloq l-ostakli lill-media indipendenti, partikolarment fl-għoti tal-informazzjoni li jkollhom bżonn.

Filwaqt li rrikonoxxa li saru xi riformi, il-Kumitat qal li għadu kmieni wisq biex jinħassu l-effetti tagħhom. Fl-istess waqt, innota kif uħud mill-kawżi SLAPP li fl-2019 – meta l-Kumitat żar l-aħħar pajjiżna – kienu fis-seħħ kontra l-werrieta ta’ Daphne Caruana Galizia, għadhom ma twaqqgħux.

Il-Kumitat qabel mal-proposta li ilu jagħmel il-Partit Nazzjonalista biex il-Membri Parlamentari ma jibqgħux jitqiesu bħala part-timers, iżda li jkollhom persuni jgħinuhom fil-ħidma u r-riċerka tagħhom, għax jemmen li l-Membri Parlamentari kollha għandu jkollhom l-għodda meħtieġa biex jiskrutinizzaw lill-Gvern.

Dwar l-importanza li titjieb is-sistema ġudizzjarja tkellem ukoll it-Taljan Franco Roberti, bl-MEP Soċjalista jgħid li Maġistrat effiċjenti għandu jkun għas-servizz tal-poplu u mhux tal-Gvern.

Fil-jiem li damu Malta, id-delegazzjoni mill-Kumitat LIBE ltaqgħet ukoll, fost oħrajn, ma’ delegazzjoni mill-Partit Nazzjonalista, fejn kien diskuss il-monitoraġġ kontinwu li l-Kumitat ilu jagħmel għal dawn l-aħħar snin.