Internazzjonali Kummerċ

Ir-Russja titlob għat-tneħħija tas-sanzjonijiet biex ikun jista’ jiġi esportat l-ikel mill-Ukrajna

Ritratt: Oleksandr Khmelevskiy / Alamy Stock Photo

Hekk kif il-gwerra fl-Ukrajna ħolqot kriżi globali bla preċedent fil-produzzjoni u l-provvista tal-ikel, l-Unjoni Ewropea akkużat lir-Russja li qed tuża din il-kriżi bħala arma b’riperkussjoniji globali.

Ir-Russja bħalissa qed timblukka l-portijiet Ukreni li minnhom jiġu esportati l-qamħ lejn l-Ewropa, l-Afrika u Lvant Nofsani, bl-Ukrajna hija l-aktar pajjiż fid-dinja li tesporta qamħ. Dan il-blokk jibqa’ fis-seħħ sakemm jitneħħew ir-restrizzjonijiet imposti fuqha wara li invadiet stat sovran u sakemm l-armata Russa tneħħi l-mini viċin dawn l-ibħra.

Sfida oħra li qed jaffaċċjaw il-bdiewa Ukreni issa li fir-rebbiegħa u f’nofs gwerra żergħu 30% anqas tal-għelieqi hija li mhumiex qed isibu biżżejjed fuel għall-makkinarju tagħhom għal żmien il-ħsad hekk kif ir-Russja qatgħet mal-85% tal-provvisti tal-fuel lill-bdiewa sabiex b’hekk qed ikollhom ifittxu għal provvisti ogħla mir-Rumanija u l-Polonja fost l-oħrajn.

L-Ukrajna tissupplixxi ukoll nofs il-qamħ mixtri min-Nazzjonijiet Uniti għall-Programm Dinji tal-Ikel għall-għajnuna f’emerġenza u għalhekk, is-Segretarju Ġenerali, Antonio Gutierres, qed iservi ta’ medjatur sabiex jitlaħaq ftehim ħalli tissokta l-esportazzjoni tal-qamħ u jikkalmaw il-prezzijiet tal-ikel.

Tħabbar ukoll li ditti kbar bħal Marks & Spencer kif ukoll Nike għażlu li jwaqqfu l-operazzjonijiet tagħhom fir-Russja, minħabba l-invażjoni fl-Ukrajna, fl-isfond tal-Forum Ekonomiku Dinji li qed jinżamm fl-Isvizzera li fih anki tkellmu ċ-champions tal-boxing, Vitali u Wladimir Klitschko, it-tnejn li huma Ukreni, b’tal-ewwel huwa s-Sindku ta’ Kjiv.

Huma wissew lill-mexxejja Ewropej biex jingħaqdu flimkien sabiex idaħħlu aktar sanzjonijiet kontra r-Russja, fosthom billi jinħallu kompletament mid-dipendenza tal-gas u l-fjuwils, inkella jissograw jiddistabbilizzaw il-kontinet.

Intant, il-President Russu, Vladimir Putin, iffirma digriet li bih iffaċilita l-proċess li bih residenti Ukreni f’żoni kkontrollati mir-Russja, fosthom fir-reġjuni ta’ Zaporizhzhia u Kherson, jiksbu ċ-ċittadinanza Russa, fi sforz biex jikseb l-appoġġ tal-Ukreni f’dawn l-ibliet li rreżistew bla użu ta’ forza l-ħakkiema Russi.

Intant, wiehed mill-konsulenti tas-Sindku ta’ Mariupol iddikkjara li l-belt spiċċat lura fil-Medju Evu wara ġimgħat sħaħ ta’ attakki mill-qawwiet Russi, li wasslu biex is-suldati Ukreni kellhom iċedu, inkuż dawk li kienu għadhom qed jirreżistu fl-impjant tal-azzar ta’ Azovstal.

Fl-attakki qed jingħad illi nqatlu mat-22,000 persuna f’Mariupol biss, kollha residenti ta’ din il-belt.

Quddiem dan kollu, il-President Zelensky qed jghid li l-għan aħħari tal-Kremlin huwa li jeqirdu għalkollox id-Donbas billi jiċċirkondaw Liman, Popasna, Severodonetsk u Slaviansk sabiex jiżolaw lit-truppi Ukreni.

Il-qawwa tal-forzi Russi hija tant evidenti li f’Pokrovsk, rocket sparat lejn din il-belt fil-lvant tal-Ukrajna ħoloq krejter b’fond ta’ 10 piedi, bil-binjiet fil-viċin ġarrbu ħsarat kbar.

U għalhekk irid illi jitkellem direttament ma’ Putin, biex possibbilment tinstab soluzzjoni dimplomatika.