Lokali Qorti

Is-sieħba ta’ Jason Azzopardi tgħid li ittri anonimi wassluha għal “paranojja”

Is-sieħba tal-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi spjegat fil-Qorti kif sensiela ta’ ittri abbużivi anonimi mibgħuta fl-indirizz tad-dar tagħha wassluha għall-paranojja u ljieli bla rqad. Flavia Borg Bonaci kienet qed tixhed fi proċeduri kontra Joseph Mary Borg, anzjan ta’ 71 sena residenti l-Belt Valletta li qed jiffaċċja prosekuzzjoni bħala s-suspettat wara l-ittri, b’kitba distintiva, mibgħuta lil diversi politiċi u personalitajiet pubbliċi.

Borg Bonaci qalet li kollox beda f’Lulju tas-sena l-oħra meta l-ewwel ittra spiċċat fil-kaxxa tal-ittri tagħha. “L-ewwel darba, ħadt xokk kbir. Malli ftaħt dik l-ittra, poġġejt bilqiegħda. Ma stajtx nemmen l-oxxenità u l-ikrah ta’ dan kollu.” Agħar mill-lingwaġġ ħażin kien il-fatt li l-ittra kienet intbagħtet id-dar tagħha.

“Għalhekk sirt paranojka, ħsibt li xi ħadd kien qed isegwini,” qalet ix- xhud. L-ewwel darba, l-anonimi sejħilha bħala “maħmuġa” iżda fis-sitt ittri li segwew, l-insulti kienu ferm agħar, immirati lejn membri tal-familja inkluż in-nanna tagħha li kienet mietet. Il-persuna li kitbet dawk l-ittri ovvjament “jobgħodu” lis-sieħeb tagħha Jason, li dak iż-żmien kien deputat voċiferu tal-Oppożizzjoni, u għalhekk kien attakkaha hija qalet.

“Kont l-uniku sieħba ta’ politiku tal-PN li ġejt fil-mira direttament,” spjegat Borg Bonaci. Qabel ma bdiet it-traċċa ta’ ittri insultanti, il-koppja kienet ġiet fil-mira waqt programm ta’ 50 minuta mmexxi mill-preżentatur ta’ One TV Karl Stagno Navarra.

“Kien character assasination,” u wara segwew l-ittri, qalet ix-xhud, filwaqt li spejagat kif il-posta anonima ħarbitilha ħajjitha u ġġiegħlitha tqum bil-lejl biex tħares mill-gallarija għal xi ħadd perikoluż. Beżgħet tiftaħ il-kaxxa tal-ittri u kienet tħares fuq wara meta tkun miexja.

Min kien jibgħat l-ittri, kienet jirreferi għaliha bil-laqam tal-familja tagħha, u kien jittimbra bħala “drenaġġ” u “qaħba” u saħansitra kienet bdiet tieħu kont tal-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħanut ta’ missierha. “Din il-persuna kienet taf kollox dwari, fejn kont noqgħod, il-ħanut ta’ missieri u kollox,” qalet Borg Bonaci u żiedet li ċerti dettalji dehru jindikaw li min kien qed jikteb dawk l-ittri kien “Belti” li kien jafha. u jaf l-isfond tal-familja.

Mistoqsija jekk tafx lill-akkużat, Borg Bonaci qalet li ma kinitx taf lir-raġel personalment iżda identifikatu bħala xi ħadd li kultant kien jgħaddi minn ħdejn il-ħanut ta’ missierha. Qalet li konxju sew mill-effett negattiv ta’ dawk l-ittri, Jason Azzopardi kien ikkonvinċiha biex tarmihom. “Żammejt l-ewwel waħda biss…. Imma ftaħthom u qrajthom kollha,” spjegat x-xhud.

Fis-seduta xehed ukoll id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina. Hu wkoll kien fil-mira ta’ tliet ittri simili, kollha miktuba bl-istess kalligrafija. Qal li s-soltu jirċievi l-ittri fil-Parlament jew fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u kull meta sħabu Membri Parlamentari jiġu ppreżentati b’posta simili, kien iwissihom minnufih, u jagħtihom parir biex jieħdu azzjoni kontra l-kontenut offensiv.

Huwa qal li l-ittri ġeneralment waslu wara xi diskors pubbliku rrappurtat. Madankollu, waħda mill-ittri għamlet referenza għal laqgħa tal-Ħadd filgħodu meta Aquilina, Azzopardi u l-MEP David Casa ltaqgħu f’kafetterija tal-Belt Valletta biex jiddiskutu każ fil-qorti.

L-affarijiet ħadu xejra differenti meta f’Awwissu li għadda, envelop miktub bil-kitba distintiva, spiċċa fil-kaxxa postali tad- dar tiegħu. Din kienet indirizzata lil ħuh, Robert, president tas-soċjetà ċivili Repubblika, li kien jgħix ffl-inġħawi. “Xammejt xi ħaġa tinten,” qal Aquilina.

Qal li meta ħuh mar id-​dar tiegħu u fetaħ l-​envelop, din kienet mimlija “ħażen bl-​iktar mod assolut,” li semmiet lilu, missieru u kunjata, kif ukoll uliedhom. Dik l-ittra inkwietatu għax hu qatt makien żvela l-indirizz privat tiegħu sabiex jissalvagwardja l-familja tiegħu.

Huwa kien żamm l-ittri indirizzati lilu. “Ma ħadthomx għand il-pulizija? Ma kontx affettwat minnhom?” staqsa l-avukat difensur Henry Antoncich. Aquilina qal li dawk l-ittri żgur li affettwawh, iżda peress li kien hemm żmien meta kien “inġustament akkużat” mill-pulizija, ir-relazzjonijiet tiegħu mal-awtoritajiet tal-pulizija “ma kinux daqshekk sereni”.

“Għadni qed nistenna apoloġija, iżda għadha ma waslitx,” qal Aquilina. Is-suspettat wara dawk l-ittri kien arrestat f’Novembru, kienet saret tfittxija fid-dar tiegħu u diversi oġġetti kienu maqbuda, xehed l-Ispettur Kurt Farrugia. Il-lingwaġġ offensiv u l-kitba distintiva, partikolarment il-mod kif l-ittra ‘a’ kienet magħquda biex taqsam l-ittra ‘t’, indikaw id komuni.

Barra minn hekk, l-annonimu kien jiffirma bħala “Ex PN” jew “ex PN kunsillier,” qal Farrugia. Taħt interrogazzjoni, Borg allegatament stqarr li ried ‘jattakka’ lis-suġġett għax ma kinux jaqsmu l-fehmiet politiċi tiegħu. Il-każ ikompli f’Settembru. L-avukati Henry Antoncich u Joseph Calleja huma avukati difensuri. L-Avukat Therese Comodini Cachia deheret bħala parte civile.