Lokali Parlament

Jeħtieġ attenzjoni li l-Liġi dwar il-Femiċidju ma toħloqx diskriminazzjoni anzi tagħti l-aqwa protezzjoni

Joe Giglio, PN

Id-deputat Nazzjonalista Joe Giglio qal li l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Femiċidju għandu l-appoġġ tal-Oppożizzjoni iżda jeħtieġ li dan ma jkunx abbozz li joħloq diskriminazzjoni anki bejn nisa anzi jrid jagħti l-aqwa protezzjoni lill-mara fis-soċjetà.

Fil-parlament, id-deputat Nazzjonalista Joe Giglio qal li s-sess femminili hu s-sess li jsofri f’reat tal-vjolenza u sostna li l-PN jaqbel mal-Liġi dwar il-Femiċidju.

Hu qal li l-femiċidju hu ċirkostanza fejn il-qtil ta’ mara qed isir minħabba li l-hi mara u għalhekk għandhom ikunu introdott liġijiet biex din il-liġi tissaħħaħ.

Jeħtieġ li jkun assigurat li l-liġi ma tkunx għal perjodu qasir biss u li fil-futur ma tistax tkun dikjarata li mhix konformi mal-kostituzzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li skont din il-liġi jridu jkunu l-irġiel li joqtlu mara għax hi mara u għalhekk japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi. Jeħtieġ li jkun mifhum li jista’ jkun hemm mara li twettaq omiċidju jew attentat ta’ omiċidju fil-konfront ta’ mara għax hi mara. Għalhekk l-aqwa protezzjoni għandha tkun li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn in-nisa.

Joe Giglio qal li l-kunċett tal-femiċidju m’għandux ikun liġi li tista’ tispiċċa biż-żmien minħabba li jkun hemm xi ħadd li jisfidaha. Kif inhi l-liġi, jekk dan iseħħ, hemm il-biża’ li l-liġi ma ssalvax u jkollha tintemm.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandu jkun hemm protezzjoni iktar għal nies li huma vulnerabbli u sostna li l-liġi qed tispeċifika li d-difiża ta’ aġitazzjoni tal-moħħ mhux aċċettata. Iżda anki hawn il-liġi qed toħloq diffikultà minħabba li l-akkużat irid ikun raġel biss; din il-liġi għalhekk mhix toffri l-protezzjoni neċessarja.