Lokali Qorti

Ordni biex ma jintużax gass LPG f’restorant taħt il-kampus tal-Università l-antika

Imħallef ta ordni biex restorant li jinsab taħt il-kampus li tal-Università l-antika ta’ Malta, ma jużax gass LPG. Kienet l-Università ta’ Malta li talbet lill-Imħallef Grazio Mercieca biex iwaqqaf lil Carmelo Foca milli jkompli jagħmel xogħol f’binjiet taħt u fl-inħawi tal-kampus aktar kmieni dan ix-xahar.

Fil-fatt xogħlijiet fuq ristorant ġdid taħt il-Campus l-antik fi Triq Merkanti, l-Belt kienu diġa ġew imblukkati provviżorjament aktar kmieni dan ix-xahar wara li l-Università rrikorriet għal azzjoni legali biex tissalvagwardja l-bini storiku, it-teżori imprezzabbli u l-ħajja ta’ dawk kollha f’riskju.

L-Università ta’ Malta talbet lill-Imħallef Grazio Mercieca iwaqqaf lil Carmelo Foca milli jkompli jagħmel xogħol f’binjiet taħt u ħdejn il-kampus tal-belt. Hija qalet li r-restorant se juża l-LPG u sostniet li l-gass huwa perikoluż għall-istaff, l-istudenti u l-opri tal-arti li hemm fil-Campus.

Minn naħa tiegħu, Foca akkuża lill-Università ta’ Malta b’arroganza u qal li ma kienx se juża ċilindri tal-LPG għax l-apparat kien se jaħdem bid-dawl. Il-Qorti qalet li waqt li l-Università ta’ Malta għandha interess bħala ġar li ma tkunx soġġetta għall-periklu, huwa ċanfar lil Foca talli għamel dawn l-akkużi.

L-Imħallef Mercieca qal li huwa mar fuq il-post u sab li kuntrarjament għal dak indikat fl-applikazzjoni għall-permess, l-apparat tal-catering jidher li jaħdem bl-elettriku. Saħq li wara li ra ċ-ċirkostanzi kollha, inkluż l-aġir ta’ Foca, mhux konvint li tassew se jintuża dan l-apparat – li mhux kopert bil-permess – u li mhux se jintuża l-LPG.

Kien għalhekk li laqa’ b’mod limitat it-talba tal-Università ta’ Malta u żamm lil Foca milli juża apparat li jaħdem bl-LPG fir-restorant. L-inkwiet qam meta bdew ix-xogħlijiet biex l-użu ta’ fond tal-Gvern, li bħalissa huwa mmexxi mill-Awtorità tal-Artijiet, jinbidel f’ristorant ġdid taħt il-bini tal-Università fi Triq il-Merkanti. Il-bini nnifsu, mibni fl-1595, mhuwiex biss ġawhra storika u arkitettonika iżda fih ukoll diversi wirjiet permanenti u xogħlijiet ta’ artisti rinomati Maltin, fosthom ta’ Edward Caruana Dingli, Richard England u Josef Calleya.