Lokali

Arrestati żewġ żgħażagħ bid-droga fil-Buskett

Bħala parti mill-prijoritajiet tal-ħidma tal-pulizija fil-komunitajiet, f’kull ħin tal-ġurnata jsiru rondi sabiex ikun hemm aktar infurzar tal-liġijiet u anke preżenza viżibbli tal-istess pulizija. Dawn ir-rondi, li jsiru b’mod konġunt bejn il-Pulizija għall-Komunità u tad-Distrett, qegħdin iħallu l-frott.

Ilbieraħ, għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija (2300hrs), żewġ Pulizija għall-Komunità, waqt li kienu b’ronda fil-Buskett, innutaw żewġ persuni fi vettura BMW li kienet ipparkkjata taħt it-tinda u li qajmet suspett. Għaldaqstant huma talbuhom biex joħorġu mill-karozza u minn tfittxija li saret fiha nstabet ammont ta’ droga kannabis, kif ukoll numru ta’ boroż żgħar tal-plastik.

Fuq il-post issejħu minnufih il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi fejn komplew bl-investigazzjonijiet u waqt li kienet qiegħda ssir tfittxija fuq iż-żewġ ġuvintur, ta’ 21 u 18-il sena, it-tnejn residenti l-Mosta, fil-pussess ta’ wieħed minnhom instabet aktar droga.

Aktar tard saret tfittxija fir-residenzi taż-żewġ persuni fejn il-pulizija elevaw xi oġġetti allegatament relatati mal-abbuż tad-droga.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace.

Iż-żewġ ġuvintur ittieħdu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Furjana għal aktar investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.