Kultura Lokali Mużika

Elvis ta’ Malta f’kunċert fl-Awditorju ta’ Sant’Agata Rabat

“I’m All Shook Up! Elvis tribute” hu l-isem ta’ kunċert li l-impersonatur Malti ta’ Elvis Presley, Josuel Grech, se jtella’ fit-3, 4 u 5 ta’ Ġunju fit-8pm, fl-Awditorju ta’ Sant’Agata, ir-Rabat. Dan il-kunċert qed jiġi ppreżentat minn Matthew Raggio Productions.

Fil-kunċert li se jsir fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Ġunju, Josuel se jkun akkumpanjat minn banda ta’ 8 biċċiet, G&D Music immexxija minn Geo Debono u grupp ta’ żeffiena mid-Dancel Dance Studio, b’koreografija maħluqa minn Celaine Buhagiar. Josuel se jkun qed jinterpreta xi wħud fost l-aqwa suċċessi ta’ kull żmien ta’ Elvis Presley, fosthom ‘Heartbreak Hotel’, ‘Hound Dog’, ‘Love Me Tender’, ‘It’s Now or Never’, ‘All Shook Up’ u ħafna oħrajn.

Josuel Grech se jinterpreta wħud fost l-aqwa hits mużikali ta’ Elvis Presley. Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena reċentement ġie deskritt bħala “a rare breed and a talented one at that”. Lura fl-2019, Josuel spiċċa fit-tielet post minn 26 kontestant f’‘The Harbour Lights Elvis Festival’ li sar fi Bristol u din is-sena rnexxielu jtemm fit-tieni post fl-istess festival, ftit punti biss ‘il bogħod mill-kontestant li ġie fl-ewwel post. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet Josuel ipparteċipa f’‘The UK Elvis Tribute Championships’ fi Blackpool, fejn irnexxielu jispiċċa mat-Top 5 minn 24 kontestant minn madwar l-Ewropa kollha.

Il-kunċert bl-isem “ I’m All Shook Up! Elvis tribute” se jaħbat ma’ Elvis il-film bijografiku tad-direttur taċ-ċinema Baz Luhrmann, b’Austin Butler jinterpreta l-irwol ewlieni ta’ Elvis. Tom Hanks jaħdem il-parti tal-maniġer ta’ Elvis, il-Kurunell Tom Parker, li miegħu Elvis kellu relazzjoni pjuttost kumplessa. Elvis se jkun premiered fil-Festival tal-Films ta’ Cannes ta’ din is-sena dan ix-xahar u hu mistenni li joħroġ fis-swali taċ-ċinema lejn l-aħħar ta’ Ġunju.