Lokali Qorti

Ex-uffiċjal tal-gaming u martu mixlija b’ħasil ta’ flus

Eks uffiċjal għoli tal-awtorità tal-Gaming u martu dehru fil-qorti mixlija b’ħasil ta’ flus b’rabta max-xogħol tiegħu mar-regolatur. Jason Farrugia ta’ 34 sena u martu Christine ta’ 26 sena wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.

Huma ġew mixlija b’mod konġunt b’ħasil ta’ flus filwaqt li Farrugia kien mixli separatament b’sensiela ta’ allegati reati oħra, fosthom estorsjoni, aċċettazzjoni ta’ tixħim, frodi li jaqbeż il-€5,000, misapproprjazzjoni, kummerċ fl-influwenza, żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali u użu ħażin tal-kompjuter.

Fil-Qorti ngħataw dettalji skarsi dwar l-investigazzjonijiet li wasslu għall-arrest ta’ Farrugia, eks-kap tat-teknoloġija mar-regolatur, u martu li hija nfermiera. Farrugia rriżenja mill-Malta Gaming Authority (MGA) f’Diċembru tas-sena l-oħra wara li kien suspettat li ħareġ informazzjoni interna sensittiva.

Sorsi fi ħdan ir-regolatur qalu dak iż-żmien li kien suspettat li għamel aċċess irregolari għal informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva miżmuma fl-awtorità. Huwa ġie sospiż mill-MGA ftit qabel ir-riżenja tiegħu u reviżjoni interna ddeċidiet li tkeċċih u tirreferi l-kwistjoni lill-pulizija. Huwa ta r-riżenja tiegħu wara li ġie infurmat bid-deċiżjoni tal-MGA.

Il-Qorti semgħet li l-investigazzjonijiet tal-pulizija kontra l-eks uffiċjal tal-MGA kienu ilhom għaddejjin għal madwar sitt xhur jew ftit aktar. Farrugia, li ddeskriva lilu nnifsu bħala self-employed, kien fl-iżbarra flimkien ma’ martu, omm it-tlett itfal meta tressqu l-qorti.

L-avukat tal-mara, Lennox Vella, appella bil-qawwa għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li enfasizza l-fatt li l-koppja kellha tarbija ta’ tliet xhur u tarbija oħra ta’ sena u nofs li se jispiċċaw jieħdu ħsiebhom minn terzi persuni. jekk ommhom kienet se tibqa’ miżmuma taħt arrest preventiv.

“Din il-mara mhix kriminali. Hija qatt ma daħlet il-qorti,” sostna Vella filwaqt li saħaq li kull preġudizzju kien “żgur kontriha bis-sħiħ.” Mhux biss kien hemm il-preżunzjoni tal-innoċenza iżda l-qorti kellha tiżgura li d-drittijiet tal-individwu jkunu salvagwardjati.

L-avukat tar-raġel, Mario Buttigieg, spjega li hu kien involut fil-każ “mill-ewwel jum,” minn mindu bdiet l-investigazzjoni tal-pulizija. L-evidenza kollha ġiet ippreservata fir-rekords tal-inkjesta maġisterjali, biex b’hekk tnaqqas ir-riskju ta’ tbagħbis.

Barra minn hekk, matul dawn ix-xhur kollha s-suspettat ma għamel l-ebda tentattiv biex jikkuntattja lil xi xhieda u fil-fatt, il-prosekuzzjoni ma kienet esprimiet l-ebda ilment f’dak ir-rigward. L-Avukat Nathaniel Falzon li kien qed jirrappreżenta l-AĠ iżda rribatta li d-difiża kienet qed tilgħab il-karta tas-simpatija fir-rigward tal-mara.

Prinċipji legali japplikaw għal kulħadd huwa qal, irrispettivament minn jekk l-akkużat kienitx miżżewwġa jew le jew ġenitur. Barra minn hekk, l-inkjesta maġisterjali kienet għadha ma ġietx konkluża u l-investigazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin, possibilment iwasslu għal suspettati oħra u xhieda ċivili.

Kellhom jixhdu wkoll esperti tal-Qorti. Ir-riskju ta’ tbagħbis tal-evidenza kien jeżisti f’dan l-istadju prematur tal-proċeduri, sostna l-avukat tal-prosekuzzjoni. Wara li wiżnet is-sottomissjonijiet il-qorti, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ ffriżar fuq l-assi kollha tal-koppja, f’termini tal-att tal-ħasil tal-flus. Il-koppja ġiet skortata barra mill-kamra, bil-mara tllfoq u tibki konfortata minn membri tal-familja. L-Ispetturi Marcus Cachia u Thomas Zammit mexxew il-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukati tal-AĠ Francesco Refalo u Nathaniel Falzon.