Lokali

Għada tissokta l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista

Għada huwa t-tieni jum tal-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, wara li it-Tnejn li għadda saret l-elezzjoni bikrija li matulha vvutaw total ta’ 15.5% tal-membri tal-Kunsill Ġenerali illi huma eleġibbli jivvutaw.

Il-votazzjoni se tinzamm fuq jumejn  – nhar il-Ġimgħa u s-Sibt – fejn il-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali qed jintalbu jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Bernard Grech biex ikompli l-mandat tiegħu fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

B’kollox huma madwar 1,550 dawk eliġibbi biex jivvotaw f’din l-elezzjoni. Emendi li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fl-Istatut tiegħu, ftit tas-snin ilu, kabbar l-għadd ta’ persuni li jagħmlu parti mill-Kunsill Ġenerali biex issa dan jagħti aktar spazju lil persuni li jkunu jistgħu jifformaw parti minn dan l-ogħla organu tal-Partit.

Il-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali se jkunu jistgħu jivvotaw il-Ġimgħa bejn il-5pm u d-9pm fid-Dar Ċentrali u bejn il-5pm u t-9pm fis-Sub-Headquarters f’Ta’ Sannat. Il-votazzjoni mbagħad tkompli s-Sibt bejn it-8am u l-5pm f’Malta u bejn it-8am u t-3pm f’Għawdex.

Il-proċess tal-għadd tal-voti jibda eżattament wara li tagħlaq il-votazzjoni….bir-riżultat mistenni joħroġ għall-ħabta tas-7pm.

Dakinhar, Net Television u l-portal NetNews.com.mt se jwasslu aġġornamenti kontinwi kull siegħa, mit-9am ‘l quddiem. Imbgħad, programm speċjali li jibda mill-4 ta’ wara nofsinhar.