Lokali Parlament

RAPPORT GRECO: Min iħawwad in-numri u min jaħrab id-domandi

Ir-rapport tal-grupp GRECO illi jiffoka fuq il-ħidma tal-pajjiżi Ewropej kontra l-korruzzjoni, jindika b’mod ċar il-falliment tal-Gvern ta’ Robert Abela f’din il-ħidma li suppost hija projorità għal pajjiżna. Dan hekk kif minn Kastilja, twettqu biss 2 mit-23 rakkomandazzjoni li kien għamel ir-rapport GRECO.

L-aktar fattur inkwetanti li joħroġ mir-rapport jispikka fil-fatt li l-Gvern Laburista għadu ma fassal ebda tip ta’ strateġija ċara fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Huwa propju għalhekk li l-GRECO ipoġġi pressjoni kbira fuq Robert Abela biex fi żmien 18-il xahar iwettaq fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet li qed isiru, jekk verament irid jiġġieled b’serjetà l-pjaga tal-korruzzjoni.

Ir-rapport GRECO jitkellem ukoll fuq il-persons of trust, u jgħid li dawn għandhom jinżammu f’numri minimi jekk verament il-Gvern irid inaqqas l-abbuż u l-ħela ta’ flus.

Għat-tieni jum konsekuttiv, Net News staqsa lid-Deputati tal-Labour, dwar dan ir-rapport u dwar dawn ir-rakomandazzjonijiet. Bil-Ministru Roderick Galdes, għal xi raġuni ma jridx jikkummenta dwar ir-Rapport GRECO. Il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Labour Andy Ellul, li ma kienx mistoqsi minn Net News matul il-jum tat-Tlieta, l-għada spiċċa inħeba wara r-risposti ta’ sħabu. Oħrajn dehru skomdi quddiem id-domandi ta’ Net News.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg minn naħa tagħha spiccat ħawdet in-numri, dan meta l-GRECO kkonfermaw li kienu biss tnejn minn 23 rakomandazzjoni li twettqu mill-Gvern Malti.L-istess taħwid fin-numri sar ukoll minn naħa tas-Segretarju Parlamentari Chris Bonett.

GRECO huwa grupp ta’ stati tal-Unjoni Ewropea li jagħmel manitoraġġ kontra l-korruzzjoni. L-għan tal-GRECO huwa li jtejjeb il-kapaċità tal-membri tiegħu biex jiġġieldu l-korruzzjoni fejn jidentifikat n-nuqqasijiet … u jdawwarhom f’soluzzjonijiet.