Lokali

Il-Gvern jieħu falza stikka fil-kalkoli – Differenza ta’ kwazi biljun ewro

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) sab li matul is-sena 2020, il-Gvern daħħal €967 miljun inqas minn dak li kellu previst għall-istess sena. Kwazi biljun ewro inqas minn dak li pjana qabel il-bidu ta’ din is-sena. Matul dan il-perjodu, il-Kummissarju tat-Taxxi ġabar total ta’ €2.43 biljun. Dan wasal wara tnaqqis ta’ €796 miljun mill-istess Kummissarju. Dan filwaqt li d-Dwana ġabret €267 miljun, jew inkella €86.5 miljun inqas minn dak previst. L-istatistika maħruġa mill-NAO turi li b’kollox inġabru €3.7 biljun mill-Income Tax, kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, dazju, taxxa fuq il-valur miżjud u dwana.

Matul is-sena 2020, l-uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi wettaq kważi 1,500 investigazzjoni, li minnhom inġabbru €29 miljun. Aktar minn 500 każ ġew riferuti lill-Financial Intelligence Analysis Unit, fejn minnhom €8.2 miljun ġew irkuprati. Kien hemm ukoll seba’ każi ta’ evażjoni ta’ taxxa li kollha ġew riferuti lill-pulizija. It-total ta’ VAT miġbur wara azzjoni ta’ infurzar ammonta għal €23 miljun.

Iċ-ċifri maħruġa mill-Kummissarju tat-Taxxa juru kif mill-€1.6 biljun li daħħal il-Gvern, €88 miljun biss marru lura bħala rifużjonijiet. Id-dħul mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kien jammonta għal €1,064 miljun, kważi €85 miljun inqas minn dak previst. Minn naħa l-oħra, id-dħul mid-dwana naqas b’€69 miljun.

Filwaqt li d-dħul mill-VAT kellu żieda kostanti mill-2016 sal-2019, fl-2020 inġabru €167 miljun inqas mis-sena ta’ qabel.