Lokali Saħħa

Il-Gvern jippreżenta emendi għal-liġi tal-IVF

Għalkemm il-Gvern beda jagħti refund u jħallas il-mediċini ta’ dawk il-koppji li għamlu jew qed jagħmlu t-trattament tal-IVF, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ammetta li għad hemm numru ta’ mediċini li għadhom ma daħlux fil-formolarju tal-Gvern.

Bir-refund qed jingħata lura biss lil dawk li għamlu trattament mill-1 ta’ Jannar ‘l hawn.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Ministeru tas-Saħħa, Chris Fearne prezenta l-emendi ghal-liġi tal-IVF, hekk kif issa din il-liġi mistennija tibda tiġi diskussa fil-Parlament fi stadju tat-Tieni Qari.

Fost it-tibdil li mistenni jidħol fis-seħħ hemm li jiżdied in-numru ta’ ċikli li l-mara se tkun tista’ taċċessa mingħajr ħlas. Sal-lum il-liġi kienet tippermetti li kopja tagħmel użu mit-trattament tal-IVF għal tarbija waħda biss. Iżda issa din se tkun tista’ issir għal żewġt itfal.

Emenda oħra hi li l-età sabiex persuna tagħmel l-IVF se titla’ għal 45 sena filwaqt li dil-persuni li jagħmlu tliet ċikli se jkollhom l-opportunità li jagħmlu ċiklu ieħor mingħajr ħlas.

Apparti minn hekk…se tingħata wkoll iktar importanza lill-pre-implementation genetic testing sabiex kundizzjonijiet partikolari jkunu jistgħu jiġu evitati permezz ta’ mediċina apposta.