Rapport ieħor ippubblikat mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa magħruf bħala PACE juri li l-Gvern Laburista ftit li xejn għandu ħeġġa biex ikunu miġġielda l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni f’kull livell f’pajjiżna.
Fil-konklużjonijiet tiegħu r-Rapport PACE jgħid li hemm bżonn riforma komprensiva u ħolistika fir-rigward tal-istituzzjonijiet demokratiċi f’Malta biex id-demokrazija fil-pajjiż titħares tassew. Dan filwaqt li hemm ħtieġa kbira wkoll ta’ skrutinar serju u akkontabbiltà effettiva tas-sistema u dawn il-ħtiġiet huma mill-aktar urġenti.
Bit-titlu ‘The honouring of membership obligations to the Counsil of Europe by Malta’, ir-Rapport PACE jenfasizza li l-perċezzjoni dwar il-korruzzjoni u allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni f’Malta hi għolja ħafna u dan minkejja l-fatt li Malta, fuq il-karta, għandha għadd ġmielu u impressjonanti ta’ istituzzjonijiet pubbliċi li suppost jagħmlu eżerċizzji ta’ skrutinar magħrufa bħala “checks and balances”.
Madankollu, ikompli r-Rapport PACE, tinħass bl-aktar mod ċar nuqqas ta’ ħeġġa viżibbli dwar dawn l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni sal-punt li llum fil-pajjiż inħoloq sens ta’ impunità dwar x’azzjonijiet għandhom jittieħdu fil-konfront ta’ dawn l-allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni u dawk involuti fihom.
F’dan ir-rigward, jenfasizza r-Rapport PACE, hemm ħtieġa ta’ strateġija immedjata li tkun waħda koerenti u effettiva biex tkun miġġielda l-korruzzjoni minn dawn l-istituzzjonijiet pubbliċi… xi ħaġa li attwalment mhix issir.
Ir-Rapport PACE jgħid li fid-dawl ta’ dan ix-xenarju hu meħtieġ li titwettaq riforma ħolistika u komprensiva fir-rigward tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-pajjiż u hekk Malta mill-ġdid ikollha sistema ta’ “checks and balances” li tkun effettiva. Din hi ħtieġa urġenti, kif hi urġenti l-ħtieġa li l-Parlament Malti jkun jiffunzjona fuq bażi full-time.
Tajjeb li jingħad li PACE kien inizjalment ġie f’Malta biex janalizza s-sitwazzjoni fil-pajjiż wara d-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017. F’rapport li kien sara wara dik iż-żjara partikulari, flimkien ma’ rapport ieħor maħruġ mill-Kummissjoni Venezja, kien issuġġerixxa li s-sistema demokratika tal-pajjiż u l-istituzzjonijiet li jħarsu s-saltna tad-dritt jitħallew jaħdmu b’mod effettiv u b’effiċjenza.
Dakinhar l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kienet qalet ukoll li fir-rigward tas-saltna tad-dritt kienu jidhru numru ta’ nuqqasijiet fis-sistema u l-istess kien jidher fir-rigward tal-istituzzjonijiet li jassiguraw iċ-“checks and balances” u dan kien qed iwassal biex is-saltna tad-dritt, fil-qafas tal-parametri tagħha, kienet qed tkun waħda mill-aktar vulnerabbli għall-korruzzjoni li allura taffettwa b’mod dirett lis-settur pubbliku.
Dan kollu jrid jittieħed fil-perspettiva li Malta hi relattivament pajjiż żgħir kif ukoll tal-fatt li l-ekonomija Maltija hi primarjament ibbażata fuq is-servizzi finanzjarji u s-servizz offshore flimkien mas-settur tal-online gaming.
Dakinhar l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kienet saħqet ukoll li l-programm imniedi mill-Gvern għar-rigward tal-investiment permezz tal-bejgħ taċ-ċittadinanza kien qed joħloq kwistjonijiet ta’ tħassib fir-rigward ta’ allegazzjonijiet marbuta ma’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
Sussegwentement l-istess Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kienet ħeġġet lill-Gvern Laburista Malti biex jabolixxi b’mod immedjat din l-iskema tal-bejgħ tal-passaport Malti.
Ir-Rapport PACE jindirizza wkoll kwistjonijiet oħra ferm importanti, fosthom dwar il-libertà tal-espressjoni tal-midja f’Malta u jgħid li l-awtoritajiet Maltin għandhom jindirizzaw b’mod sħiħ it-tħassib muri sa issa kif ukoll għandu jwettaq u jdaħħal fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet li diġà saru għal aktar titjib fil-libertà tal-midja f’Malta.
Ir-Rapport PACE jsegwi r-Rapport tal-Grupp ta’ Stati Kontra l-Korruzzjoni, magħruf bħala l-GRECO, li ħareġ nhar it-Tlieta u li wera bl-aktar mod ċar kif il-Gvern Laburista Malti qed jibqa’ ma jdaħħalx fis-seħħ strateġija nazzjonali biex tkun miġġielda b’mod effettiv il-korruzzjoni.
Fil-konklużjoni tiegħu, ir-Rapport GRECO juri kif il-Gvern Laburista Malti implimenta biss tnejn minn 23 rakkomandazzjoni li ressaq l-istess Grupp ta’ Stati Kontra l-Korruzzjoni fl-2019. Jgħid li tul ix-xhur li għaddew kienu implimentati b’mod parzjali 12-il rakkomandazzjoni, filwaqt li disa’ rakkomandazzjonijiet oħra ma kenux implimentati.
Hawnhekk ir-Rapport GRECO jinsisti fuq il-Gvern Laburista Malti biex fix-xhur immedjati li ġejjin idaħħal fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet li saru biex hekk tassew tkun miġġielda b’mod effettiv il-korruzzjoni li hi mifruxa f’kull livell tal-pajjiż u li qed tagħmel ħsara lill-istess pajjiżna.
//= $special ?>