Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ġlied qalil fl-artijiet tal-Lvant, b’għexieren ta’ bliet iġarrbu l-qilla tal-assedju ta’ Putin

Il-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, komplew bil-fażi attwali tal-offensiva fuq ir-reġjuni Ukreni tal-Lvant – bl-Armati tal-President Vladimir Putin jikkonċentraw sensiela ta’ attakki fuq talanqas 40 belt fl-inħawi ta’ Donetsk u Luhansk.

Filwaqt li ma daħlux ċifri konkreti, hemm indikazzjonijiet li n-numri tal-maqtula jistgħu huma sinifikanti u meta mhux eskluż li l-vittmi tal-assedju, aktar ma jgħaddu ġranet, jistgħu jkunu simili għal-livelli tad-dmija li rajna s’issa fl-ibliet ta’ Mariupol u Kharkiv kif ukoll fil-madwar ta’ Kiev.

L-ibliet ta’ Severodonetsk u Lysychansk, fid-Donbas, spiċċaw taħt bumbardament feroċi mit-truppi Russi li jinsabu skjerati fil-madwar u meta l-qawwiet tal-Kremlin mhuma jżommu xejn lura biex jirrealizzaw l-ambizzjonijiet militari fir-reġjun ta’ Luhansk.

Ir-Russi, fil-fatt, iridu jaħtfu l-kontroll sħiħ ta’ Luhansk u l-assedju fuq Severodonetsk – li ilu għal ġimgħa u nofs – qiegħed iħalli riperkussjonijiet terribbli għaċ-ċittadini lokali, b’talanqas 90 fil-mija tad-djar jinqerdu jew iġarrbu l-ħsarat b’riżultat tal-ġlied kontinwu.