Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Olaf Scholz jikkundanna l-invażjoni….mingħajr ma jimpenja l-armi lill-Ukreni

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, ikkundanna l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi iżda, fl-istess ħin, injora l-kritika għall-Gvern tiegħu li qed ikun akkużat bi ‘tnikkir’ fl-impenji biex jintbagħtu armamenti li għandhom jgħinu lill-Ukreni biex jiddefendu ruħhom.

Scholz, li kien qed jitkellem wara l-aħħar jum tal-Forum Ekonomiku Dinji f’Davos ( fl-Iżvizzera), qal li r-Russja, bħala potenza nukleari, qed taġixxi daqslikieku għandha dritt biex tibdel il-fruntieri tal-Ewropa. Hu sostna li Vladimir Putin irid jirritorna lejn sistema ta’ tmexxija fejn is-saħħa u l-forza jissuperaw is-sewwa u bi ftit lok għall-ħelsien u l-aspetti ġenwini tas-sovranità.

U waqt li Olaf Scholz qed ikun ikkritikat għal nuqqas ta’ ħerqa biex jappoġġja lill-Ukrajna bil-mezzi militari, il-Kanċillier Ġermaniż saħaq li ‘ħadd ma jista’ jiddetta forma ta’ paċi kif jixtieq hu biss’ u li ‘l-Ewropa u d-dinja ma jaffordjawx li Putin jirbaħ din il-gwerra’.

Intant, fl-aħħar sigħat ukoll, il-President Putin iffirma digriet li jagħmilha aktar faċli biex l-Ukreni residenti fiz-zoni tal-Ukrajna okkupati mir-Russi jaqilbu ċ-ċittadinanza u jsiru ċittadini tar-Russja.