Lokali Qorti

“Il-Porporina” ifaħħar it-tmexxija ta’ Alex Dalli fil-ħabs

Alfred Bugeja, magħruf bħala “Il-Porporina”., li għal ħafna żmien minn ħajtu qattagħhom il-ħabs fuq diversi reati qal li mhux minnu dak li rrapporta ġurnal li huwa kien spiċċa marbut ma’ l-hekk imsejjaħ “siġġu tat-tortura”. Meta kien qed jixhed fil-qorti, huwa faħħar ukoll bil-kbir lill-eks direttur tal-ħabs Alex Dalli.

Il-priġunier inġieb il-qorti mill-ħabs biex jixhed fi proċeduri ta’ libell ippreżentati minn Dalli kontra l-MaltaToday fuq storja ppubblikata f’Diċembru 2020 fuq priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li spiċċa marbut fuq siġġu tal-kastig. L-eks direttur kien ċaħad dak li ġie rrappurtat u fittex lill-gazzetta u lill-ġurnalist għal libell.

Dalli kien issospenda lilu nnifsu f’Novembru 2021 wara sensiela ta’ suwiċidji u mwiet wara fiċ-ċellel u li wasslu għall-kritika tħassib dwar il-metodi iebsa tiegħu fil-ħabs. Wara li spiċċa mill-kariga, ngħata kariga oħra mill-gvern fil-Libja. Bugeja qal lill-Qorti li wara li ġie ppubblikat ir-rapport tal-gazzetta, priġunier sieħbu mar fuqu u qallu, “mela veru li rawk marbut ma’ siġġu tar-roti.”

Peress li Bugeja ma jafx jaqra, sieħbu qralu r-rapport tal-gazzetta, u wrieh il-kitba flimkien ma ‘ritratt tiegħu. Bugeja qal li dik l-istorja kienet qanqlet inkwiet ukoll ma’ martu, li kienet ċanfirtu talli daħal fl-inkwiet, huwa qal. Imma kien raha kif jagħmel biex jassiguraha li r-rapport ma kienx minnu.

Mistoqsi mill-avukat ta’ Dalli, Mario Mifsud, dwar is-“is-siġġu tat-tortura” imsemmi f’dak l-artiklu, Bugeja fil-pront irribatta, “Siġġu tat-Tortura?! Jien qatt ma rajtu.” “Dak l-istorja għamlitni l-buffu ta’ sħabi, wara li ngħad li kont marbut mas-siġġu għal 24 siegħa fis-sala ċentrali,” kompla Bugeja.

“Marti mietet jiem ilu. Naħlef fuq il-qabar tagħha li dak l-inċident qatt ma seħħ.” Qal li għex fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul il-perjodu kollu li d-direttur Dalli kien dam imexxi. “Ilni aktar minn 15-il sena l-ħabs. Ilni nidħol u noħroġ mill-1972. Iċċelebrajt għeluq is-16-il sena tiegħi fil-ħabs. Nirringrazzja lil Alla li Dalli li poġġini fit-triq it-tajba,” huwa sostna.

Tenna li r-relazzjoni tiegħu ma’ Dalli kienet bdiet fuq nota ħażina għax kien irreaġixxa ħażin wara li ġie trasferit mill-Forensic Unit, fejn kien għal qalbu, lura Kordin. Id-diskors fil-vojt tiegħu kien wasslu biex jispiċċa f’ċella, imsakkar bla ċavetta. Dalli kien bniedem ta’ dixxiplina,” qal Bugeja.

Iżda dik id-dixxiplina tat il-frott u wara dak il-bidu iebes, Bugeja qal li beda jirrispetta lil Dalli. “Inti ġġib ruħek kif suppost. Ma tieħux id-droga u tieħu dak li ħaqqek,” spjega l-priġunier dak li kien jgħidlu Dalli, filwaqt li fakkar kif eventwalment kien rebaħ il-fiduċja tal-eks direttur.

“Hu poġġa ‘tag’ fuq sieqi u ħallieni mmur id-dar. Erġajt mort il-ħabs u wasalt nofs siegħa kmieni u Dalli staqsieni għaliex. Jien għedtlu, ‘x’jiġri jekk il-karozza tieqafli fit-triq.” “Tinkwetax. Konna nkunu nafu,” kien assigurah Dalli. Mistoqsi dwar il-kummenti ta’ ħabsin oħra fir-rigward tal-eks direttur tal-ħabs, Bugeja qal li qabel il-ħatra ta’ Dalli kien hemm id-droga fil-ħabs u dawk li kkritikaw lid-direttur għamlu hekk għax “ma ġabux ruħhom sew.”

Huwa pprojbixxa d-droga mill-ħabs u kien għalhekk li ċerti ħabsin ilmentaw. “Issa qed nilmentaw għax telaq.” Ir-rapport tal-gazzetta sostna li Bugeja kien argumenta ma’ uffiċjali tal-ħabs dwar l-użu tal-uniformijiet għall-ħabsin, qaltlu il-Maġistrat Rachel Montebello.

“Dan mhu veru xejn,” irreaġixxa x-xhud. “U l-laqam tiegħek? qed nistaqsik biss għar-rekord” staqsiet il-qorti. “Il-Porporina,” huwa wieġeb. Spettur tal-ħabs fuq ‘siġġu ta’ trażżin’ Aktar kmieni fis-seduta xehed l-ispettur anzjan tal-ħabs Helenio Galea.

Huwa ċaħad li Dalli qatt sawwat xi priġunier jew uża “xi oġġett jew pistola kif allegat mill-media.” Rigward il-famuż siġġu,” Galea qal li nżamm imsakkar biex jintuża biss kif meħtieġ u żgur mhux għall-kastig iżda biex tiġi evitata l-ħsara. Kien hemm żminijiet meta, pereżempju, priġunier jipprova jagħmel aktar ħsara wara li jiġi ttrattat għall-ħsara fuqu nnifsu.

Aktar komdu mis-siġġu tal-Maġistrat

Xenarju bħal dan ikun jitlob l-użu tas-siġġu, “iżda mhux għal medda twila, kien jintuża’ biss xi 15 jew 20 minuta, sakemm il-persuna tikkalma.” Mitlub jiddeskrivi s-siġġu, Galea qal li kien jikkonsisti fi struttura tal-metall miksija bil-foam u li għandha ċineg għal idejn, saqajn u qishom ċinturin tas-sigurtà biex iżżomm lill-persuna ‘l isfel.

“Huwa aktar komdu mis-siġġu tal-maġistrat,” irrimarka x-xhud. “Imma l-effett hu li jipparalizza lill-persuna,” osserva l-avukat tal-ġurnal, Andrew Saliba. “Dak hu l-iskop kollu. Żgur li mhux biex tikkastiga imma biex tiġi evitata l-ħsara,” qal Galea filwaqt li rrimarka li l-biċċa l-kbira tal-ħabsijiet fl-Ewropa għandhom siġġu bħal dan.

L-Ispettur Galea qal li wara li ħadem mill-qrib ma’ Dalli bħala membru tat-tim fdat tiegħu, seta’ jgħid li xi rapporti fil-media kienu “qtil ta’ karattru” tal-eks direttur. “Stejjer bħal dawn iniżżluh l-isfel…. weġġgħuh għax ma kinux veri. Kienu sempliċiment attakki biex jinsultawh.” Il-każ ikompli f’Lulju. L-avukati Mario Mifsud u Christian Camilleri rrappreżentaw lil Dalli. L-Avukat Andrew Saliba irrappreżenta lill-Malta Today.