L-eks Prim Ministru tal-Italja, Ciriaco De Mita, miet, kmieni llum, fid-dar tiegħu f’Nusco, fil-provinċja ta’ Avellino, li tinsab lejn in-nofsinar tal-Italja.
De Mita, li kellu 94 sena, kien ħabib kbir tal-eks Prim Ministru Malti Eddie Fenech Adami u huma kienu jaqsmu l-istess prinċipji demokristjani.
Hu kien imexxi lill-Partit Demokristjan li kien iddomina l-politika Taljana għal għexieren ta’ snin u li llum mgħadux jeżisti.
Ciriaco De Mita kien jokkupa diversi karigi ministerjali matul is-snin disgħin u kien ħa t-tmexxija tal-Partit Demokristjan fl-1982 – fejn baqa’ iżomm il-pożizzjoni ta’ kap sa’ Lulju tal-1989.
Hu, intant, kien serva bħala Prim Ministru Taljan minn April tal-1988 sa’ Lulju tal-1989.
De Mita baqa’ attiv ħafna fil-politika anki wara l-kroll tal-Partit Demokristjan b’kaġun tal-iskandli tal-korruzzjoni ta’ Tangentopoli, fil-bidu tas-snin disgħin.
Fil-fatt, hu – mill-2009 sal-2013 – serva bħala deputat għall-Partit UDC taċ-ċentru fil-Parlament Ewropew u kien ilu Sindku ta’ Nusco mill-2014.
Aktar kmieni din is-sena – proprju fi Frar – Ciriaco De Mita kien suġġett għall-kirurġija wara li kien kiser siequ waqt inċident fid-dar tiegħu.
//= $special ?>