Ekonomija Lokali Turiżmu

JANNAR-MARZU: Okkupati terz tas-sodod fil-lukandi

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li matul l-ewwel kwart tas-sena, terz tas-sodod disponibbli fil-lukandi Maltin u Għawdxin kienu okkupati. Dan filwaqt li fl-istess livell kienet l-okkupazzjoni tas-sodod f’hostels, guesthouses u kumplessi tat-turisti.

L-istatistika maħruġa l-Ħamis tindika li l-aktar imfittxija kienu lukandi ta’ 2 stilel, b’35 fil-mija tas-sodod okkupati. Wara, jiġu l-lukandi ta’ 4 stilel.

Bħala ammont totali ta’ persuni li użaw is-servizzi ta’ dawn il-lukandi, l-aktar imfittxija xorta baqgħu l-lukandi ta’ 4 stilel. Fil-fatt, bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena kien hemm 119,188 persuna li bbukjaw kamra f’dawn il-lukandi madwar il-pajjiż. Dan minn total ta’ kważi 254,000 persuna li bbukjaw fl-ewwel kwart tas-sena.

Dawn iċ-ċifri huma titjib konsiderevoli fuq l-istatistika tal-2021, meta sa dik iż-żmien kien għad hemm fis-seħħ diversi restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19.