Uħud mill-membri fil-Kabinett ta’ Robert Abela jidhru li huma kuntenti li twettqu biss tnejn mit-23 rakkomandazzjoni tal-Grupp GRECO dwar il-korruzzjoni, filwaqt li oħrajn lanqas biss jafu x’fih ir-rapport … jew ma kienux komdi jikkummentaw.
Dan ħareġ mill-ewwel reazzjoni ta’ wħud mill-Ministri u Segretarji Parlamentari meta mistoqsija minn NET News wara li r-Rapport ta’ dan il-Grupp – li jiffoka fuq il-ħidma tal-pajjiżi Ewropej kontra l-korruzzjoni – indika biċ-ċar il-falliment tal-Gvern ta’ Abela f’dik li suppost kienet prijorità għall-ħidma politika tiegħu.
F’konferma li l-Gvern qed jagħmel ftit li xejn, il-Grupp GRECO – li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill tal-Ewropa – saħansitra tefa’ pressjoni akbar fuq Abela biex iwettaq fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet li għamillu fi żmien sena u nofs.
Mistoqsi dwar dan, il-Ministru Byron Camilleri kkonferma li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet għadhom parzjalment implimentati filwaqt li l-Ministru Jonathan Attard stqarr li qed jieħdu l-GRECO bis-serjeta’. Oħrajn, bħall-Ministru Roderick Galdes, kienu skomdi tant li baqgħu deħlin mingħajr ma wieġbu. U min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli tidher li ma kelliex idea dwar xhiex qed nistaqsuha.





