Sport Waterpolo

Rekord ta’ 12-il tim parteċipant fi staġun tas-sajf mimli minħabba l-impenji tat-timijiet nazzjonali

Il-gowlkiper ta' Sliema Nicky Grixti jipprova jagħlaq l-ispazju ta' Matthew Zammit (Ritratt: Matthew Tabone)

Artiklu: Stewart Said

Is-7 ta’ Ġunju u l-20 ta’ Awwissu. Dawn huma d-dati meta se jibda u jispiċċa l-Kampjonat tas-Sajf, f’perjodu pjuttost impenjattiv għall-isport tal-waterpolo. Għall-ewwel darba, il-Kampjonat tas-Sajf se jkollu 12-il tim parteċipant wara li Barracudas irritornaw fix-xena aktar kmieni din is-sena.

F’konferenza stampa, il-President tal-ASA Joe Caruana Curran wera s-sodisfazzjon li dan il-kampjonat fl-aħħar se jerġa’ jkollu l-ispettaturi u għalhekk sostna li għandu jkun wieħed mill-isbaħ avvenimenti ta’ dan is-sajf. Caruana Curran qal li l-fatt li hemm 12-il tim u mingħajr il-preżenza ta’ plejers barranin, hu aspett pożittiv li l-isport qed jikber. L-aspettattiva tal-President tal-ASA hi li l-Kampjonat tas-Sajf se jkun wieħed pożittiv u missielet, anki meta wieħed iqis li l-Kampjonat tax-Xitwa spiċċa b’żewġ deciders.

Fil-15-il sena bħala sponsor ewlieni tal-Kampjonat tas-Sajf tal-waterpolo, ir-Rappreżentant tal-Bank of Valletta Joe Agius qal li bħala sponsor għandhom żewġ miri prinċipali. Dawn huma l-parteċipazzjoni aħjar f’attivitajiet sportivi filwaqt li ż-żgħażagħ ikunu xprunati aktar biex jipprattikaw l-isport.

Fil-maġġoranza tal-istaġun, se jkun hemm logħob f’erbat ijiem, bi tliet logħbiet kull darba. It-Tazza tal-President u t-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sport se jirritornaw ukoll iżda għadu jridu jiġu stabbiliti d-dati. Id-dħul għall-ispettaturi baqa’ ta’ €5 filwaqt li l-anzjani u t-tfal ta’ taħt it-12-il sena jħallsu €2. Jeżisti wkoll is-season ticket li hu ta’ €75 għal-logħbiet kollha.

Plejers barranin

Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Kampjonat tas-Sajf mhux se jkollu plejers barranin. Kawża tal-pandemija tal-Covid-19, il-klabbs għadhom qed jirkupraw minn telf finanzjarju li sofrew minnu. Il-President tal-ASA jixtieq li l-klabbs ma jkunux taħt pressjoni finanzjarja ulterjuri.

Hu żied li kien hemm min wera x-xewqa li jkun hemm plejer barrani din is-sena u anki tnejn. “Nagħmlu żball jekk bħala klabbs inħarsubiss li jaqbel lili dan l-istaġun milli l-istampa l-kbira,” kompla Joe Caruana Curran. Din id-deċiżjoni ttieħdet lejn tmiem is-sena li għaddiet, bil-kalendarju internazzjonali ppakkjat fix-xhur tas-sajf, raġuni oħra għalfejn ittieħdet din id-deċiżjoni. Dan kollu mistenni jinbidel is-sena d-dieħla.

L-impenji internazzjonali

Il-Kampjonat tas-Sajf se jintemm ftit iktar mis-soltu minħabba l-impenji internazzjonali li għandhom diversi timijiet nazzjonali. Bejn l-20 u l-27 ta’ Awwissu, it-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena se jipparteċipa fil-Kampjonat tad-Dinja f’Volos il-Greċja.

Imbagħad bejn is-27 ta’ Awwissu u l-10 ta’ Settembru, it-tim nazzjonali Malti tal-kbar se jieħu sehem fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew fi Split, il-Kroazja. Imbagħad fis-17 ta’ Settembru, it-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena jmur Montenegro biex jilgħab ukoll fil-Kampjonat Ewropew.

Fażi Preliminari

Grupp A: Neptunes, Valletta, Birżebbuġa, Sirens, Ta’ Xbiex, Otters

Grupp B: San Ġiljan, Sliema, Marsaskala, Exiles, Marsaxlokk, Barracudas

L-ewwel logħbiet

It-Tlieta 7 ta’ Ġunju

Grupp A

Valletta v Birżebbuġa     6.15pm

Grupp B

Marsaxlokk v San Ġiljan 7.20pm

Exiles v Barracudas        8.25pm

L-Erbgħa 8 ta’ Ġunju

Grupp B

Sliema v Marsaskala       6.15pm

Grupp A

Sirens v Otters                7.20pm

Ta’ Xbiex v Neptunes     8.25pm