Internazzjonali

Stati Uniti: Kritikati talli damu biex jintervjenu waqt il-massakru f’Texas

Two family members of one of the victims killed in Tuesday's shooting at Robb Elementary School comfort each other during a prayer vigil in Uvalde, Texas, Wednesday, May 25, 2022. (AP Photo/Jae C. Hong)

Uffiċjali u residenti fl-Istat ta’ Texas qed jikkritikaw lill-pulizija talli żammew lura milli jintervjenu waqt li aggressur kien qed iwettaq il-massakru tal-Erbgħa fl-iskola ta’ Uvalde.  Dawn l-uffiċjali qalu li l-aggressur,  Salvador Ramos, kien dam talanqas siegħa fl-‘iskola tal-mewt’ qabel spiċċa maqtul hu wkoll  — u wara li kienu nqatlu 19-il tfal u żewġ adulti, b’talanqas 20 jisfaw midruba.

Waqt li kien għaddej l-isparar fl-iskola elementarja ta’ Robb, in-nies imwerwrin li nġabru barra l-bini bdew jgħajjtu biex il-pulizija ‘jidħlu u jikkontrollaw is-sitwazzjoni – iżda l-uffiċjali tal-liġi għażlu li jibqgħu barra. F’ħin minnhom, numru ta’ ġenituri fl-inħawi kienu qed jikkunsidraw li jidħlu huma stess u jikkonfrontaw lill-qattiel ‘għaliex il-pulizija ma kienu qegħdin jagħmlu xejn’.

L-awtoritajiet, intant, sostnew li Salvador Ramos kien sakkar lilu nnifsu fi klassi u li l-pulizija fl-inħawi sabu l-intoppi huma u jippruvaw jidħlu f’dik il-kamra. Fl-istess ħin, Raul Ortiz, il-Kap tal-Border Patrol Amerikan qal – kuntrarju għal dak li qed jallegaw in-nies – ‘għexieren ta’ pulizija kienu wieġbu b’urġenza għall-kriżi u fejn ma żammewx lura milli jwettqu dmirhom’.

Ortiz kompla li l-pulizija, maż-żmien, daħlu fil-klassi fejn kien qiegħed l-aggressur ‘u  kkontrollaw is-sitwazzjoni mill-akar fis possibbli’.

Sar magħruf ukoll li Ramos, ftit qabel il-massakru, kien bagħat messaġġi fuq il-media soċjali fejn ipprovda dettalji dwar ‘kif kellu jiżvolġi l-attakk’. Il-Gvernatur ta’ Texas, Greg Abbott, żvela li Ramos kien wiegħed li joqtol lil nanntu u, wara. bagħat il-messaġġi li ‘kien wettaq l-azzjoni (il-qtil ta’ nanntu)’  u  li ‘kien qed jaħseb biex jattakka skola elementarja fil-viċinanzi.’