Lokali

51% Jivvotaw s’issa fl-elezzjoni għall-Kap tal-PN

Huma s’issa 51 fil-mija tal-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali li vvotaw s’issa fl-elezzjoni biex Bernard Grech ikun jista’ jkompli bil-mandat tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

It-tieni jum tal-votazzjoni nżammet fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà u fis-Sub-Headquarters f’Ta’ Sannat f’Għawdex … f’elezzjoni li huma eliġibbli jivvotaw fiha madwar 1,550 Kunsillier tal-Kunsill Ġenerali.

Din id-darba – biex aktar minn dawn ikollhom iċ-ċans jivvotaw – il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista tat l-opportunità lil dawk bid-dritt tal-vot…li iżda se jkunu msefrin f’dawn il-jiem ….biex jeżerċitaw il-vot tagħhom billi jaħtru persuna minflokom, ħalli tivvota skont id-direzzjoni tal-Kunsillier u wara li jinformaw lill-Kummissjoni.

Il-votazzjoni tkompli s-Sibt bejn it-8am u l-5pm f’Malta u bejn it-8am u t-3pm f’Għawdex. Appena jispiċċa l-ħin tal-votazzjoni, jibda immedjatament il-proċess tar-rikonċiljazzjoni, is-sorting u l-għadd tal-voti … bil-proċess kollu mistenni jintemm għall-ħabta tad-7pm.

Bħal dejjem, NET Television, NET FM u NETnews.com.mt se jkunu qed iżommukom kontiwament aġġornati b’dak li jkun għaddej matul il-proċess kollu, fosthom bi programm speċjali li jibda fl-4pm fuq NET Television u NET FM, b’diskussjoni fl-istudio, kif ukoll b’kollegamenti mis-sala tad-Dar Ċentrali sa minn kmieni filgħodu.