Ekonomija Internazzjonali

Il-Gvern Ingliż se jgħin direttament lill-familji milquta mill-għoli tal-ħajja

Tmien miljun familja fir-Renju Unit se tirċievi għajnuna diretta mingħand il-Gvern illi m’għandha x’taqsam xejn mal-flus li se jingħataw għall-kontijiet tal-enerġija. Fil-fatt, dawn huma flus illi se jmorru direttament biex tiġi miġġielda il-pjaga taż-żieda fil-prezzijiet.

Il-pjan ta’ Downing Street gie prezentat mill-Ministru tal-Finanzi Ingliż, bil-Gvern ta’ Boris Johnson jgħid li quddiem l-inflazzjoni l-politici ma jistgħux jibqgħu ċassi. Bil-ġurnal Financial Times jgħid illi din l-istrateġija turi biċ-ċar kif Gvern jista’ jqassam il-ġid b’mod għaqli, favur dawk illi l-aktar għandhom bżonn.

Il-Ministru Rishi Sunak spjega li l-familji l-aktar vulnerabbli se jkunu qed jirċievu għajnuna ta’ £5 biljun – illi jfisser li mat-tmien miljun familja se jinghataw £650 fi flus, sabiex tkun indirizzata d-daqqa enormi tal-għoli tal-ħajja. Dawn se jkunu qed jingħataw f’żewġ pagamenti diretti din is-sena stess.

Apparti dawn il-flus, il-Gvern Ingliż se jkun qed jgħin anke lill-pensjonanti u lill-persuni b’diżabbiltà.

Analisti politiċi fir-Renju Unit qed jinsistu li din l-għajnuna mhijiex waħda żgħira, u qed tasal f’punt fejn il-familji verament għandhom bżonn sostenn minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u ta’ prodotti essensjali oħrajn.

Intant, il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li ċ-ċekk ta’ għajnuna li se jkun qed jircievi hu ghall-kontijiet tal-enerġija se jkun qed jaghtih lill-karita’.