Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-qawwiet tar-Russja jaħtfu lill-belt ta’ Lyman fir-reġjun ta’ Donetsk

L-osservaturi tal-Punent li qed isegwu kull dettall tal-gwerra fl-Ukrajna qablu li l-qawwiet tar-Russja, fil-preżent, qegħdin jiksbu numru ta’ suċċessi militari fir-reġjun tad-Donbas, li jinsab fl-artijiet Ukreni tal-Lvant.

L-aħħar rapporti, fil-fatt, qalu li l-qawwiet appoġġjati minn Moska rnexxielhom jaħtfu l-kontroll fil-belt ta’ Lyman, fir-reġjun ta’ Donetsk. Dan waqt li l-Gvernatur Ukren tad-Donetsk, Pavlo Kyrylenko sostna li ‘it-truppi Russi qed jikkonsolidaw posthom f’diversi bnadi ta’ dik il-belt partikulari’.

L-Armati tal-President Russu, Vladimir Putin, qed ikomplu jissieltu biex jieħdu aktar zoni strateġiċi fid-Donbas u meta anki qed jippersistu bl-offensiva fuq l-inħawi ta’ Severodonetsk u Lysychansk. Fl-aħħar sigħat, kienu għadhom għaddejjin il-battalji kbar fil-limiti ta’ Severodonetsk, bis-suldati ta’ Moska jippruvaw javvanzaw fuq din il-belt li spiċċat taħt bumbardament kontinwu.

L-awtoritajiet f’Severodonetsk qalu, intant, li ‘il fuq minn 90 fil-mija tal-bini f’din il-belt ġarrbu l-ħsarat u li l-maġġoranza assoluta tad-djar sfaw kompletament meqruda mill-balal u l-missili tar-Russja.

Dan waqt li numru ta’ Gvernijiet tal-Punent – fosthom il-Gvern Britanniku – qed jammettu li l-ambizzjonijiet militari ta’ Putin qegħdin juru ‘progress’ anki jekk l-avvanzi tat-truppi Russi fid-Donbas ma qabdux xi ritmu sinifikanti.

Fl-aħħar kummenti tiegħu, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, wissa li r-reġjun sħiħ tad-Donbas kapaċi jispiċċa kollu kemm hu diżabitat b’konsegwenza tal-invażjoni mill-qawwiet Russi.