Il-Kunsill Lokali tal-Gżira, bl-appoġġ tal-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista, beda proċess fil-Qorti biex iwaqqaf lill-Awtorità tal-Artijiet milli tbiddel parti mill-uniku ġnien pubbliku fil-lokalità f’pompa tal-petrol.
Il-Gvern irid li l-pompa tal-petrol, li s’issa qegħda fuq in-naħa ta’ barra tal-Ġnien, tieħu aktar minn 900 metru kwadru mill-istess zona, li hi meqjusa bħala l-uniku pulmun pubbliku fil-Gżira u li ppjanat li jkun imsebbaħ.
Fl-aħħar snin, il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Gżira kienu parti importanti mill-mod kif il-Kunsill amministra dan il-Ġnien għal aktar minn 20 sena. U għalhekk anke huma qed jopponu l-mod kif il-Gvern irid li medda ta’ aktar minn 900 metru kwadru ta’ art ma tibqax parti mill-Ġnien.
Fil-Qorti, il-Kunsill Lokali qed jargumenta li qed jinkisirlu d-dritt tiegħu bħala kerrej biex jamministra l-art pubblika għat-tgawdija tal-pubbliku. Dan wara li fallew diversi tentattivi biex il-permessi ta’ żvilupp ikunu miċħuda.
Il-Kunsill Lokali qed itenni li l-Gvern mhux itih ċans isemma’ leħnu dwar il-kwistjoni, filwaqt li jħoss li l-Awtorità tal-Artijiet ma mxietx b’governanza tajba meta ma tatx raġuni għaliex ħadet din id-deċiżjoni u anke li ħarbet mir-responsabbiltà fl-amministrazzjoni ta’ propjetà pubblika, skont l-aħjar interess pubbliku.
//= $special ?>