Internazzjonali

Il-qtil tal-massa fl-iskola ta’ Texas: Imut l-għada li martu spiċċat immassakrata

Il-massakru fl-iskola ta’ Texas (fl-Istati Uniti) qed ikompli jħalli r-riperkussjonijiet traġiċi.

Dan fost rapporti li r-raġel ta’ waħda mill-għalliema maqtula fl-isparatura tat-Tlieta f’Uvalde (fl-Istat ta’ Texas) miet b’attakk tal-qalb li jidher li rriżulta mix-xokk u niket li kien qed iħoss għat-telfa ta’ martu.

Irma Garcia, li kienet ilha 23 sena tgħallem fl-iskola elementarja ta’ Robb,  kienet waħda minn żewġ għalliema li tilfu ħajjithom meta adolexxenti armat daħal fil-kumpless u beda jispara għal kulmin inzerta quddiemu.

F’dan l-attakk feroċi nqatlu wkoll 19-il tfal, b’xi rapporti jgħidu li Irma Garcia nqatlet waqt li kienet qed tipprova tipproteġi lil xi studenti mill-aggressur, Salvador Ramos, li kien jattendi skola ta’ livell ogħla fl-istess lokalità ta’ Uvalde.

Ramos, eventwalment, inqatel minn uffiċjali tal-pulizija li rnexxielu jidħol fi klassi fejn l-aggressur kien laħaq wettaq il-massakru u fejn sparalu t-tiri fatali.

Sadanittant, il-pulizija f’Uvalde qed jirrevedu xi dettalji importanti dwar l-isparatura fost l-istqarrijiet ta’ kritika kontinwi mingħand il-familji tal-vittmi li huma ferm irrabjati dwar il-mod kif l-uffiċjali tal-liġi rreaġew għall-emerġenza. Dan meta sar magħruf ukoll li l-qattiel kien dam idur ‘għal 12-il minuta’ barra l-iskola elementarja qabel daħal ‘mingħajr problemi ta’ xejn’ u beda l-massakru.

L-aggressur, intant, spiċċa maqtul mill-pulizija proprju siegħa u nofs wara li kien beda l-attakk fuq it-tfal innoċenti.